Id-diversifikazzjoni, l-investiment fit-teknoloġija u t-taħriġ tal-ħaddiema huma tliet elmenti essenzjali li permezz tagħhom l-industrija lokali għandha tkun fuq quddiem biex tilqa’ għall-kompetizzjoni, filwaqt li ssib swieq ġodda internazzjonali. Dan sostnietu l-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Helga Ellul waqt żjara li għamlet fl-Istamperija Gutenberg.
Helga Ellul iltaqgħet mal-ħaddiema fil-post tax-xogħol u tkellmet magħhom dwar l-esperjenzi tagħhom fl-iżvilupp tal-kumpanija. L-Istamperija Gutenberg timpjega madwar 100 ħaddiem u tesporta madwar 70% tal-produzzjoni tagħha. Dwar l-esportazzjoni, il-kandidata Nazzjonalista qalet li din hi aspett importanti biex il-kumpaniji Maltin jibqgħu għaddejjin u jkabbru l-operat tagħhom.
Filwaqt li saħqet dwar l-importanza tal-investiment fit-teknoloġija, Helga Ellul qalet li tul is-snin il-Gutenberg Press tat kontribut kbir għall-ekonomija Maltija u għas-settur tal-istampar f’Malta. Minkejja li l-Gutenberg tipproduċi biss 30% tal-prodotti tagħha għas-suq lokali, l-Istamperija temmen fil-kapaċità tas-suq Malti u għalhekk qed tkabbar l-investiment fih.
Matul iż-żjara tagħha, Helga Ellul iltaqgħet mal-ħaddiema, fosthom numru ta’ immigranti li huma mpjegati mal-kumpanija. Dwar dan l-aspett il-kandidata tal-PN qalet li dawn il-persuni huma xhieda u konferma ta’ kemm l-integrazzjoni tal-persuni minn pajjiżi barranin hi element essenzjali li wkoll jista’ jkun ta’ kontribut għall-industrija lokali.
//= $special ?>