Is-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici qal li l-Gvern irid jimplimenta l-opportunitajiet biex jagħmel lill-pajjiż aħjar u għalhekk ma jaqbilx mal-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.
Owen Bonnici qal li l-programm hu maqbul mal-Unjoni Ewropea. Pajjiżi oħra li għandhom skema simili jixtiequ li jkollhom l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li fil-każ ta’ Malta qed tirrikonoxxi l-ġenwinita’.
Fid-diskussjonijiet kien hemm qbil li applikant minbarra xiri ta’ proprjeta’ trid tagħti prova ta’ sena residenza fil-pajjiż. Ladarba kien hemm dan il-qbil, ma kienx hemm il-ħtieġa li jkun hemm limitazzjoni ta’ numru li jistgħu jakkwistaw iċ-ċittadinanza.
Owen Bonnici qal li l-Gvern qed iżomm il-limitu ta’ applikanti bil-possibbilta’ li dan il-limitu jitbiddel jekk ikun meħtieġ. Minkejja l-bidliet li saru, l-iskema baqgħet kompetittiva.
Hu qal li ladarba hemm qbil mal-UE, jappella lill-Oppożizzjoni biex fl-interess nazzjonali jħallu l-iskema timxi ‘l quddiem.
Is-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis qal li fil-kronoloġija tal-fatti, l-kritika daret fuq id-diskussjoni li kienet se ssir fil-Parlament Ewropew. Il-Gvern ħa nota ta’ dak li rriżulta fil-Parlament Ewropew u f’temp ta’ ftit sigħat iddiskuta u laħaq ftehim mal-Kummissjoni Ewropea. F’dan il-ftehim l-UE qablet ukoll fil-prinċipju u fid-dettall tal-proposta Maltija.
Edward Zammit Lewis qal li jirrikonoxxi li saru żbalji u l-liġi setgħet saret mill-bidu kif inhi ppreżentata llum. L-ammissjoni tal-iżbalji turi l-umilta’ tal-Gvern.
Fl-istess waqt li ammetta li kien pass tajjeb li saru bidliet diversi, is-Segretarju Parlamentari Zammit Lewis attakka li kienet l-Oppożizzjoni li bidlet il-pożizzjoni tagħha diversi drabi.
Zammit Lewis qal li effective residence status kif dikjarata fl-istqarrija konġunta ma tfissirx residenza ta’ 12-il xahar qabel l-għoti taċ-ċittadinanza. Hu qal li fil-liġijiet tat-taxxa, id-definizzjoni ta’ residenza mhix dik kif mitluba mill-Oppożizzjoni.
Edward Zammit Lewis qal li Identity Malta se tagħmel linji gwida dwar xi tfisser residenza. Dwar is-sehem ta’ Henley & Partners, is-Segretarju Parlamentari qal li l-aħħar kelma se tkun dik tal-Ministru u mhux tal-kumpannija.
Il-Ministru George Vella akkuża lill-Oppożizzjoni li qed tuża sistemi antikwati biex jitħammeġ isem Malta. Sostna wkoll li dak li qed tagħmel l-Oppożizzjoni mhux fl-interess tal-pajjiż iżda fl-interess tal-partit.
Il-Ministru Manwel Mallia qal li l-atteġġjament tal-Oppożizzjoni ġej mill-biża’ tas-suċċess tal-iskema li se tfisser ġid kbir għall-pajjiż.
//= $special ?>
