L-iskema taċ-ċittadinanza għandha tirrifletti dak li kien miftiehem mal-Unjoni Ewropea u għalhekk li l-oppożizzjoni qed tinsisti dwar dan.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt li kien qed jikkonkludi d-diskussjoni fil-mozzjoni tal-oppożizzjoni dwar ir-revoka tal-avviż legali dwar regolamenti dwar l-iskema taċ-ċittadinanza, qal li l-iskema taċ-ċittadinanza turi l-mod kif l-affarijiet ma għandhomx isiru. Ħafna ma qablux magħha għaliex turi biċ-ċar li ċ-ċittadinanza ma għandhiex tkun għall-bejgħ.
L-Oppożizzjoni, qal Simon Busuttil, ressqet il-mozzjoni għaliex wara li l-Gvern ippubblika l-aħħar verżjoni, il-Gvern lanqas irrifletta l-ftehim li laħaq mal-UE. Gaħlhekk saret ittra lill-Prim Ministru biex l-avviż legali jkun jirrifletti l-ftehim mal-UE.
Il-Gvern reġa’ għal darb’ oħra ma semax. Ladarba l-Gvern injora lill-Oppożizzjoni, l-Oppożizzjoni użat l-unika għodda Parlamentari li għandha billi tippreżenta mozzjoni għar-revoka tal-avviż legali. Filwaqt li l-Oppożizzjoni ma tabqilx mal-bejgħ taċ-ċittadinanza, qabel ma għaddiet il-liġi, l-oppożizzjoni għamlet diversi proposti għal emendi biex verament tkun waħda ta’ investiment.
Il-Gvern baqa’ ma aċċetta ebda proposta tal-Oppożizzjoni. Wara l-approvazzjoni saħansitra bil-firma tal-President bdew ħafna kummiedji.
L-ewwel bidla li għamel il-Gvern kienet dik li jneħħi s-segretezza. Anke hawn il-Prim Ministru ma kienx ġenwin u qal li se jippubblika lista sħiħa ta’ min jakkwista ċ-ċittadinanza iżda mhux lista separata ta’ min jixtri ċ-ċittadinanza.
Saret imbagħad bidla b’obbligu ta’ investiment.
Wara t-tieni bidla l-Oppożizzjoni ġibdet l-attenzjoni li ma hemmx rabta ġenwina bejn min jixtri ċ-ċittadinanza u pajjiżna. Il-proposta tal-Oppożizzjoni kienet li jkun hemm perjodu ta’ residenza. Il-proposta oriġinali kienet li jkun hemm residenza ta’ ħames snin. Il-Gvern ma aċċetta xejn u l-Oppożizzjoni marret quddiem il-Parlament Ewropew biex ikun it-tarka taċ-ċittadini Maltin għall-ħarsien taċ-ċittadinanza. Qabel id-diskussjoni fil-Parlament lanqas kien hemm ġurnata waħda ta’ residenza.
Simon Busuttil qal li għall-Gvern il-Parlament Ewropew hu xi ħaġa barra minn pajjiżna. Il-Gvern għadu lanqas biss irrealizza li l-Parlament Ewropew hu wkoll il-Parlament tal-poplu Malti bħala poplu Ewropew.
Il-ftehim mal-UE jistabbilixxi li għandu jkun hemm 12-il xahar ta’ residenza. Hu għalhekk qal Simon Busuttil li l-Gvern għandu almenu jonora dan il-ftehim. Il-ħsara ma saritx mill-Oppożizzjoni iżda saret mill-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Simon Busuttil qal li għandha tispiċċa l-akkuża tal-Gvern li meta tikkritika l-Oppożizzjoni tkun qed tagħmel ħsara lill-pajjiż. Il-Gvern jista’ ma jaqbilx mal-kritika tal-Oppożizzjoni iżda ma jistax jibqa’ jagħmel l-akkuża li kienet issir żmien ilu li l-kritika tfisser ħsara.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li gvernijiet nazzjonalisti kienu strumentali biex ġabu 2,300 miljun ewro f’investimenti. Jixtieq li anke l-Gvern preżentiiġib dan l-ammont u aktar investimenti. Iżda hu importanti wkoll li l-pajjiż jara kif Iġib il-flus.
//= $special ?>

