Parlament

Illejla dibattitu fil-Parlament dwar il-mozzjoni tal-PN biex ikun revokat l-Avviż Legali taċ-Ċittadinanza

Passaport Malti

Illejla se jsir id-dibattitu ta’ tliet sigħat fil-Parlament, bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra milhuq ilbieraħ, dwar il-mozzjoni li kienet ressqet l-Oppożizzjoni fil-Parlament permezz tal-Kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi biex ikun revokat l-Avviż Legali bir-Regolamenti tal-iskema taċ-Ċittadinanza. Il-qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra hu li l-Oppożizzjoni tiftaħ u tagħlaq id-dibattitu. Il-kelliema tal-Oppożizzjoni se jkunu l-Viċi Kap għall-Ħidma tal-Parlament Mario de Marco, li se jiftaħ id-dibattitu, Francis Zammit Dimech u Jason Azzopardi u jagħlaq id-dibattitu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Il-mozzjoni titlob lill-Kamra tar-Rappreżentanti biex tirriżolvi u tiddeċiedi li l-Avviż Legali jkun revokat, annullat u dikjarat bla ebda effetti fil-Liġi għax imur kontra l-interess nazzjonali. Il-mozzjoni tfakkar li r-regolamenti suppost jirriflettu l-ftehim li l-Gvern kien obbligat jaċċetta mal-Kummissjoni Ewropea, li l-qofol tiegħu hu l-obbligu tal-Gvern li jdaħħal perjodu effettiv ta’ 12-il xahar residenza qabel tingħata ċ-Ċittadinanza. Madankollu, l-Avviż Legali la jsemmi li l-perjodu ta’ residenza ta’ 12-il xahar irid ikun effettiv u lanqas ma jipprovdi definizzjoni ta’ xi provi jkun lest jaċċetta l-Gvern Malti biex applikant juri li jkun għex f’Malta għal 12-il-xahar.

Fit-3 ta Marzu, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien kiteb lill-Prim Ministru u elenkalu bidliet li għandhom isiru f’diversi klawsoli tal-Avviż Legali u talbu jressaq Avviż Legali b’dawn l-emendi. Iżda l-ittra mibgħuta lill-Prim Ministru baqgħet ma ġietx imwieġba. Għalhekk, tgħid il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni, għal dawn ir-raġunijiet u oħrajn li kien hemm f’dik l-ittra, li kopja tagħha kienet mehmuża mal-mozzjoni, l-Avviż Legali għandu jkun revokat.