Lokali

Importanti li l-istituzzjoni tal-Awditur Ġenerali tibqa’ indipendenti

L-importanza tal-indipendenza fix-xogħol tal-istituzzjoni tal-Awditur, biex jiġu żgurati l-effettività u l-kredibbiltà, hi t-tema prinċipali li qed tiddomina s-27 edizzjoni tal-Konferenza tal-Awdituri Ġenerali tal-pajjiżi tal-Commonwealth, li din is-sena qed issir f’pajjiżna. Din il-konferenza bdiet titlaqqa’ f’Malta, hekk kif pajjiżna qed jiċċelebra l-200 sena mindu l-Awditjar Nazzjonali beda jsir mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

Il-konferenza nfetħet mill-President ta’ Malta George Abela, b’diskors segwit mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna f’isem il-Gvern u mill-Awditur Ġenerali ta’ Malta Anthony C Mifsud. F’kummenti lil MaltaRightNow.com, Mifsud spjega l-importanza tal-indipendenza tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Hu qal li f’Malta, b’mod partikolari mill-1997 meta nbidlet il-Liġi, inbidlet ukoll il-Kostituzzjoni u l-indipendenza ġiet salvagwardjata. Minn dak iż-żmien ‘l hawn kellna żewġ Awdituri Ġenerali, li għalkemm jiġu appuntati għal ħames snin, it-tnejn li huma ġie rinnovat it-terminu tagħhom għall-ħames snin ta’ wara. Dan juri kemm din l-istituzzjoni hi b’saħħitha f’pajjiżna għax għandha l-appoġġ totali taż-żewġ partiti.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-iSpeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, li fid-diskors tiegħu saħaq dwar l-importanza li l-Uffiċċju tal-Verifika jkun totalment indipendenti biex il-ħidma tiegħu tkun waħda kredibbli. Spjega kif f’pajjiżna, l-Awditur Ġenerali jissottometti r-rapporti tiegħu lill-Parlament, direttament għand l-iSpeaker. Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, li hu ċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Pubbliċi (PAC), saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-Kumitat, li jaħdem id f’id mal-Awditur Ġenerali.

Tonio Fenech qal li hu mportanti li l-PAC jaqdi funzjoni li jagħti lill-poplu serħan tal-moħħ li l-affarijiet ikunu qed jiġu ċċekjati. Il-ħidma tal-PAC turi li hemm persuni li qed jagħmlu dan għax mhumiex il-membri tal-PAC li jinvestigaw, iżda tramite l-Awditur Ġenerali jew rapporti li jiġu kkummissjonati. Il-Konferenza hi mifruxa fuq tlett ijiem u fost oħrajn se tkun indirizzata wkoll mill-membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri Louis Galea, u tagħlaq bl-indirizz tal-Awditur Ġenerali ta’ Malta Anthony C Mifsud.