Lokali Unjoni Ewropea

Is-settur tar-raħħala għandu jinżamm sostenibbli

Quddiem l-isfidi li għandu s-settur tar-raħħala, il-prijorità għandha tkun li dan is-settur jinżamm sostenibbli biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-istess raħħala Maltin u Għawdxin u biex jinżamm il-livell tal-prodott li dawn jipproduċu. Is-settur tar-raħħala kien taħt il-lenti waqt żjara li l-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia għamlet f’razzett tal-baqar fis-Siġġiewi bħala parti mill-kampanja tagħha għal din l-elezzjoni.

Therese Comodini Cachia tkellmet dwar l-isfidi lokali u Ewropej li għandu dan is-settur, li qalet għandu jkun ikkunsidrat fl-aspett importanti tal-katina tal-ikel frisk u ġenwin li jipproduċi għall-konsum lokali. F’dan il-kuntest, hu mportanti l-mod kif ir-raħħala jitrattaw lill-bhejjem biex il-prodott Malti jkun tal-ogħla kwalità u livell. Fost l-isfidi kbar li għandhom quddiemhom ir-raħħala hemm dik tal-ħafna spejjeż involuti.

Jeħtieġ li dan is-settur jinżamm sostenibbli ħalli jilqa’ għall-isfidi Ewropej. Għalhekk, il-fondi miksuba għandhom ikunu nvestiti bl-aħjar mod, sostniet Comodini Cachia, li tkellmet ukoll dwar l-importanza li r-raħħala jingħaqdu flimkien u jimbarkaw fuq proġetti ta’ diversifikazzjoni biex il-prodotti tagħhom jibqgħu jsibu swieq ġodda. F’dan il-kuntest, Therese Comodini Cachia semmiet il-kontribut kbir li qed jagħti l-kors tal-agrikoltura fl-MCAST.