Lokali

Is-sigurta għandha tiġi qabel il-konvenjenza li nlestu malajr – Mario de Marco

“Il-mod kif ġiet trattata l-applikazzjoni għall-proġett  tal-Power Station il-ġdida mill-MEPA iqanqal tħassib. Is-sigurta’ għandha tiġi qabel il-konvenjenza u d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod infurmat.”

Dan qalu l-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet bir-reazzjoni uffiċjali tal-Oppożizzjoni għad-deċiżjoni tal-MEPA li approvat il-proġett li jinkludi tanker għall-ħażna tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Dan hu dovut l-iktar għaliex ma tlestiex l-istudju tal-impatt marittimu ta’ dan il-proġett u li alternattivi oħra, fosthom li l-vapur ikun ankrat ‘il barra mill-port u jkollu impjant ta’  rigassifikazzjoni fuqu stess, ma kinux ikkunsidrati.

Mario de Marco kompla li jifhem li l-pubbliku jkun ċiniku fil-konfront tal-partiti politiċi għaliex tul iż-żminijiet diversi partiti politiċi fil-Gvern indirizzaw numru ta’ industriji lejn il-portijiet. Hu qal li r-raġunijiet li qed iressaq il-PN huma frott it-tħassib ġenwin tar-residenti, l-għaqdiet ambjentali u persuni li l-għixien tagħhom jiddependi mill-użu tal-Port ta’ Marsaxlokk.

Il-President tal-Ezekuttiv tal-PN Ann Fenech, li hi wkoll esperta fil-qasam marittimu, qalet li waqt il-laqgħa tal-MEPA kien hemm diversi punti li kienu żbaljati, fosthom dak dwar l-ammont ta’  movimenti tal-bastimenti f’Marsaxlokk. Il-figura li ngħatat ta’ 2,800 moviment fis-sena mhix vera iżda r-realta’ hi li jsiru madwar 6,000 moviment fis-sena f’Marsaxlokk. Dan in-numru hu wieħed konservattiv għaliex jinkludi biss il-bastimenti li għandhom bżonn pilotaġġ biex jimmanuvraw fil-Port.

Ann Fenech kompliet li hemm diversi mistoqsijiet li m’humiex imwieġba u li kellhom jiġu mwieġba qabel inħareġ il-permess. Fost oħrajn kemm se tkun iz-zona ta’ esklużjoni madwar it-tanker, jekk hux se jingħalaq il-port meta it-tanker ikun fornut bl-LNG minn tanker ieħor u jekk saritx kunsiderazzjoni għal kif it-tanker se jkun protett mill-elementi f’każ ta’ maltemp.

Il-Kelliem tal-Opposizzjoni għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino qal li mhux veru li jeżisti vapur wieħed biss b’impjant ta’ rigassifikazzjoni fuqu stess (FSRU) iżda hawn 11 u qed jinbnew 40 oħra. Hu qal li din hi teknoloġija ippruvata li ilha tintuża mill-2005 u semma bħala eżempju ta’ FSRU sorġut 4 kilometri barra l-port ta’ Montevideo fl-Urugwaj

George Pullicino ġibed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-impjant tar-rigassifikazzjoni jiswa madwar €180 miljun  u li m’hemmx bżonnu jekk il-Gvern jagħmel pipeline tal-gass. Hu staqsa xi jsir minn dan l-impjant meta l-pipeline ikun lest u r-risposta li ngħatat waqt il-laqgħa tal-MEPA kienet li dan jintuża f’każ ta’ ħsara fil-pipeline il-Power station ikollha gass “mill-ħażna”. George Pullicino staqsa jekk dan ifissirx li l-vapur tal-ħażna tal-gass se jibqa’ f’Marsaxlokk anki jekk ikun tlesta pipeline tal-gass.

Min-naħa tieghu, il-Membru tal-Oppożizzjoni fuq il-Bord tal-MEPA Ryan Callus qal li l-indħil politiku qed isir il-moda tal-ġurnata u qed jimmina l-indipendenza ta’ awtoritajiet bħalma hi l-MEPA.

Dwar l-ittra tal-Prim Ministru li se jibqa’ għaddej minkejja li jista’ jkun hemm appell, Ryan Callus qal li jinsab sorpriż li din inqrat fil-bidu tal-laqgħa u sostna li filwaqt li dak li qal il-PM għandu bażi legali, il-mod kif intbagħtet u nqrat kien intiż biex tippreġudika d-diskussjoni.

Hu kkritika d-direttorat tal-MEPA li ma għamel ebda oġġezzjoni għall-fatt li ma tlestiex l-istudju dwar l-impatt marittimu  u sostna li bħalma ġara f’każi oħrajn, il-MEPA kienet fi dmir li titlob lill-iżviluppatur li jitlestew dawn l-istudji sabiex id-deċiżjoni tkun waħda infurmata bil-fatti, ir-riskji u l-alternattivi kollha.