Lokali

It-tender għall-kumpaniji li jipprovdu t-tablets fl-iskejjel se jinħareġ fis-Sajf 2015

Il-Gvern ħabbar li nieda proġett-pilota għall-introduzzjoni tat-tablets fl-iskejjel. Dan il-proġett-pilota se jkun introdott fi 13-il skola primarja, f’10 kulleġġi tal-istat kif ukoll fi tliet gruppi kumplimentari, tliet skejjel tal-knisja, żewġ skejjel privati u ċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Wardija, li joffri edukazzjoni għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Il-proġett-pilota se jkun qed jinvolvi b’kollox 44 għalliem u għalliema li jgħallmu f’dawn il-klassijiet.

Iżda jekk wieħed kien qed jistenna li din il-wegħda elettorali li tant smajna dwarha tul il-kampanja elettorali ta’ sena ilu tiġi mwettqa fiż-żmien qrib, sejjer żbaljat għax mhux biss dak li tnieda għadu proġett-pilota f’numru żgħir ta’ skejjel, iżda kulma se jiġri sa Settembru hu li t-tablets se jkunu qed jitqassmu biss lill-għalliema. Se jkun biss fis-Sajf 2015 li se jinħareġ it-tender għall-kumpaniji li se jipprovdu l-apparat teknoloġiku biex finalment it-tablets jaslu f’idejn il-kumplament tal-istudenti.

Sa dakinhar, il-Gvern se jkollu f’idejh l-ewwel riżultati tal-evalwazzjoni tal-proġett-pilota u fl-istess sajf jibda jingħata t-taħriġ lill-kumplament tal-għalliema. Filwaqt li l-proġett-pilota se jsir fi klassijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames sena tal-Primarja, f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Evarist Bartolo kkonferma li meta l-proġett jiġi biex jiddaħħal fis-sehh, it-tablets se jingħataw biss lill-istudenti tar-raba’ sena.

Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fl-Iskola Primarja tal-Gżira u matulha, id-Direttur tal-E-learning Emmanuel Zammit ħabbar li ntagħżlu 13-il kumpanija biex jipparteċipaw f’dan il-proġett-pilota. Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Edukazzjoni enfasizza li dan hu proġett-edukattiv u mhux teknoloġiku.