Internazzjonali

Filmat: It-tiftix għall-ajruplan tal-Malaysia Airlines imxekkel minħabba l-maltemp

It-tiftix għall-fdalijiet tal-ajruplan ta’ Malaysia Airlines qed ikollu xi diffikultajiet minħabba l-maltemp li qed jaħkem fiż-żona fejn l-ajruplan temm it-titjira tiegħu. L-ajruplan, b’239 persuna abbord, għeb waqt titjira mill-kapitali tal-Malasja Kuala Lumpur fit-8 ta’ Marzu.

Iżda minflok fil-belt kapitali Ċiniża Beijing, l-ajruplan jinstab aktar minn ġimgħatejn wara fin-nofsinhar tal-Oċean Indjan fil-punent tal-Awstralja, jiġifieri aktar minn 12,000 km bogħod mid-destinazzjoni oriġinali tiegħu.

Din it-traġedja qajjmet ħafna mistoqsijiet dwar x’ġara biex it-titjira biddlet kompletament ir-rotta u qatgħet kull forma ta’ komunikazzjoni. L-investigaturi qed jittamaw li dawn il-mistoqsijiet ikunu mwieġba ladarba jinstab il-flight data recorder, jew kif inhi magħrufa aħjar bħala ‘l-kaxxa s-sewda’.

Madankollu, għall-qraba tal-vittmi r-rabja qed tieħu post il-luttu. Fil-kapitali Ċiniża Beijing, minkejja tentattivi tal-Pulizija biex iwaqqfuhom, għexieren ta’ qraba tal-vittmi nġabru quddiem l-Ambaxxata tal-Malasja jakkużaw lill-Gvern ta’ Kuala Lumpur b’ħabi tal-verità. Il-maġġoranza tal-vittmi, 153, huma ta’ nazzjonalità Ċiniża.