Ambjent Lokali

Kaċċatur b’sentenza sospiża u mmultat €1,000 wara li spara u qatel għasfur protett

Kaċċatur ta’ 24 sena minn Ħaż-Żebbuġ kien ikkundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal sena u mmultat €1,000 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li nhar it-Tnejn li għadda spara u qatel għasfur protett.

Lee Grima, 24, ammetta li qatel lil dak li jissejjaħ Fras-Servjent, bl-Ingliż, “Black-winged Stilt”, fil-Qajjenza limiti ta’ Birżebbuġa għall-ħabta ta’ nofs inhar. Huwa ammetta wkoll li kien qed iġorr arma kkargata fi nħawi fejn il-kaċċa mhijiex permesibbli u li fejn spara jinsab tinsab f’żona ta’ 200 metru minn post fl-abitat.

Huwa ammetta wkoll li kien qed jippratika l-kaċċa fi staġun magħluq. Il-Qorti qieset l-ammissjoni bikrija ta’ Grima, li kkopera mal-Pulizija u li skuża ruħu għall-azzjonijiet tiegħu. Kien meqjus ukoll il-fatt li l-kaċċatur kellu kondotta nadifa.

Ingħad ukoll fis-sentenza li f’dawn iċ-ċirkostanzi, piena ta’ ħabs effettiva ma tagħmilx ġid. Il-Qorti ordnat li s-senter li ntuża minn Grima jiġi konfiskat u l-licenzja tiegħu sospiża għal perodu ta’ sentejn. L-Avukat Chris Cilia deher għall-kaċċattur filwaqt li is-Supretendent Mario Tonna u l-Ispettur Jurgen mexxew il-Prosekuzjoni.