Qorti

Kanadiż mhux ħati tal-qtil involontarju ta’ martu

Jean Guy Legendre, Kanadiż ta’ 69 sena residenti San Ġiljan, ma nstabx ħati mill-Maġistrat Edwina Grima ta’ qtil involontarju fil-konfront tal-mara tiegħu, Renee Pelland, f’inċident tat-traffiku li seħħ ftit anqas minn erba’ snin ilu fl-Imdina. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qieset punt importanti, li x-xhieda tal-Espert tal-Qorti Mario Buttigieg qal li mhux minnu li Legendre kien qed isuq fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Dan jikkuntrasta max-xhieda ta’ Mark Camilleri, li kien involut f’dan l-inċident, li qal li l-Kanadiż kien qed isuq fuq in-naħa l-oħra tat-triq.

Il-Qorti qalet li x-xhud Mark Camilleri qal li l-ħabta kienet head on quddiemu, minkejja li l-fatti juru mod ieħor. Sadanittant, Josephine Soler qalet li Legendre kien qed isuq b’veloċità moderata quddiem il-karozza tagħha u għalhekk il-Qorti qalet li mhemmx dubju li Legendre kien qed isuq tajjeb u fuq in-naħa t-tajba tiegħu. Għalhekk, qatt ma seta’ jinżamm responsabbli għall-kolliżjoni.

Il-każ tal-inċident fatali kien seħħ fi Triq l-Infetti fl-Imdina fis-16 ta’ Lulju 2011. Koppja li kienu f’Chevrolet Kalos, li kienet qed tinstaq minn Legendre, ħabtet ma’ BMW li kienet qed tinstaq minn Clayton James Fenech. Wara, ħabtet ukoll fihom karozza oħra, tat-tip Toyota Vitz, misjuqa minn Pauline Buhagiar. Fl-inċident kienet weġġgħet Pelland. Legendre kien ġie mixli li weġġa’ lil tliet persuni li sofrew feriti gravi, fosthom lil Pelland, li mietet xahrejn wara l-inċident kawża tal-feriti gravi li sofriet. Wara li mietet martu, l-Ispettur Kevin Farrugia kien żied l-akkużi fil-konfront ta’ Legendre għal qtil involontarju.

Il-Kanadiż ma nstabx ħati tal-ebda akkuża, li jinkludu wkoll li saq karozza b’mod traskurat u li kkawża feriti lil Shanaia Buħagiar, Anthony Buhagiar u Pauline Buhagiar, filwaqt li għamel ħsara fuq il-karozza BMW ta’ Clayton James, fuq il-karozza ta’ Simon Buhagiar u fuq il-karozza ta’ Pauline Buhagiar. Hu lanqas ma nstab ħati li kien qed isuq b’mod perikoluż.

Il-Qorti qalet li l-Uffiċjal tal-Pulizija li nvestiga l-każ ma ppreparax l-isketch b’mod immedjat wara l-inċident u lanqas għalaq it-triq. Għaldaqstant, l-evidenza kienet kontaminata kemm minn karozzi li għaddew mill-inħawi, bil-karozzi li kienu nvoluti fl-inċident, kif ukoll bir-ramel li tefgħu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili biex jevitaw iż-żlieq. Dawn kienu neħħew ukoll il-biċċiet li rriżultaw mill-ħabta.

Il-Qorti qalet ukoll li l-inkjesta kienet ordnata biss fi stadju aktar avvanzat, meta l-Franċiża Renne Pelland kienet fil-periklu tal-mewt. Qalet ukoll li mhux biss kienet iffaċċjata minn provi kunfliġġenti, iżda li l-każ kien wieħed kontaminat u għalhekk l-akkużat qatt ma seta’ jinstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Sadanittant, Clayton Fenech jinsab għaddej proċeduri dwar dan il-każ quddiem Qorti oħra.

Għal Jean Guy Legendre deheru l-avukati Stefano Filletti u Jennifer Shaw.