L-importanza tat-tnaqqis tal-burokrazija, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-Outline Development Permit għall-applikazzjonijiet tal-iżvilupp u l-miżuri l-ġodda li se jintroduċi l-Gvern fir-rifoma tal-MEPA kienu fuq l-aġenda ta’ laqgħa li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) kellha mas-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia. L-MDA għadha kif għaddiet minn bidla fit-tmexxija.
Dwar ir-riforma fil-MEPA, is-Segretarju Parlamentari Farrugia qal li l-Gvern se jintroduċi madwar 100 inizjattiva, li se jinkludu l-introduzzjoni ta’ one stop shop, biex ikun evitat l-iskariġġ tal-applikanti għall-iżvilupp. Inizjattivi oħra jinkludu s-simplifikazzjoni tad-diversi regoli eżistenti, fosthom dwar l-użu ta’ postijiet ta’ negozju u bini ta’ fabbriki f’żoni industrijali. Dawn l-inizjattivi se jiffukaw ukoll fuq il-konservazzjoni taċ-ċentri tipiċi tal-irħula Maltin.
Il-miżuri se jolqtu 55 Liġi jew Avviż Legali u l-mod kif isir il-bini biex jittieħdu in kunsiderazzjoni divesi aspetti, fosthom dawk tal-enerġija. Hi prijorità, sostna Michael Farrugia, li l-bini f’Malta jkun wieħed ta’ kwalità ħalli l-pajjiż jibqa’ jattira investituri potenzjali li joħolqu x-xogħol. Is-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia qal li l-Gvern hu mpenjat li ma jingħata ebda spazju għall-abbużi u li l-iżvilupp ma jsirx f’żoni ‘l barra minn dawk permessi għall-iżvilupp.
Min-naħa tiegħu, il-President ġdid tal-MDA Sandro Chetcuti enfasizza l-importanza li titnaqqas il-burokrazija u qal li minkejja l-wegħda elettorali u r-rieda tal-Gvern li jkun favur in-negozju, is-sitwazzjoni għadha ferm ‘il bogħod biex tixxejjen il-burokrazija żejda. Chetcuti enfasizza li l-burokrazija taqta’ qalb l-investitur li jkun se jinvesti. Filwaqt li semma’ l-MEPA, Sandro Chetcuti appella lill-Gvern biex jerġa’ jdaħħal l-Outline Development Permit fl-applikazzjonijiet ta’ żvilupp ħalli b’hekk l-applikant ikun jaf il-pożizzjoni tiegħu qabel jagħmel investiment. B’hekk, ikollu wkoll serħan il-moħħ dwar il-futur tal-proġett.
Hu qal li l-iżviluppaturi laqgħu b’sodisfazzjon it-tnaqqis fit-tariffi tal-MEPA u l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll fuq min jixtri l-ewwel propjetà.
//= $special ?>