Kultura Lokali

Lest we Forget

Wirja bl-isem ta’ ‘Lest we Forget, World War II’ se tkun qed titfa’ dawl fuq l-aspett ċivili u militari tal-ħajja f’pajjiżna waqt il-gwerra.

Din il-wirja, li qed issir fil-Librerija Nazzjonali tal-Belt bejn is-26 ta’ Marzu u d-19 t’April, qed tittella’ mill-fergħa Maltija tal-‘George Cross Island Association’.

Fost l-oħrajn, il-wirja dwar il-ħajja ta’ kuljum fis-snin bejn l-1940 u l-1943 tolqot diversi aspetti, mill-Victory Kitchen fil-villaġġi madwar malta u Għawdex għad-diżastru li kienu jħallu warajhom l-air-raids mill-għadu.

Fost numru ta’ oġġetti esebiti, wieħed isib ukoll maskla tal-gass għat-trabi kif ukoll katalgu ta’ propoganda mill-ġermaniżi u ritratti ta’ żoni bbumbardjati madwar Malta.

Minkejja dawn id-diffikultajiet, l-ammont kbir ta’ midalji esibiti juru l-bravura u l-valur tal-ħidma tal-Maltin u s-suldati Allejati biex intemmet il-gwerra.

Is-sezzjoni militari tal-wirja tagħti wkoll dawl fuq il-ħajja tal-forzi militari u navali. Dawk li jżuru l-wirja jistgħu jaraw apparat militari u tekniku, bħar-radji u settijiet tat-telefon li kien jintużaw f’pajjizna matul il-gwerra.

Il-wirja taġixxi wkoll bħala tifkira tal-valur ta’ Malta matul il-gwerra, tant li r-Re Gorġ 6 ppremja lill-Maltin bil-George Cross. Il-George Cross, kif ukoll l-istqarrija ta’ Roosevelt għalhekk ma jistgħux jonqsu minn din is-sezzjoni tal-wirja.