F’Novembru tal-2012 l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, l-MTA, ikkummissjonat rapport dwar l-iżvilupp tal-prodott turistiku Malti bil-għan li joffri stampa ċara tal-prodott turistiku li joffri pajjiżna kif ukoll joffri numru ta’ rakkomandazzjoijiet ta’ titjib li jwasslu għal prodott sostenibbli fit-tul. Issa dan ir-rapport tlesta u ġie ppreżentat f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra.
Matulha, il-Ministru tat-Turiżmu Karmenu Vella wissa li minkejja li pajjiżna esperjenza suċċess sena wara sena fl-industrija tat-turiżmu, irid ikompli jaħdem biex jiġi identifikat dak li qed ifittex it-turist modern u bħala pajjiż naraw kif nistgħu nżidu l-kwalita’ tal-prodott li noffru.
Il-Ministru spjega li jekk jiġi mplimentat pjan ta’ żvilupp b’saħħtu tal-prodott turistiku, dan iwassal biex it-turiżmu lejn pajjiżna ma jibqax wieħed staġjonali u jħalli iktar qliegħ. B’hekk pajjiżna jkun f’pożizzjoni iktar b’saħħitha biex jikkompeti fil-qasam tat-turiżmu globali.
Fil-preżentazzjoni tiegħu, George Micallef, il-konsulent ikkummissjonat mill-MTA biex janalizza s-settur turistiku Malti spjega li r-rapport, li jġib l-isem ‘Il-Prodott Turistiku tal-Gżejjer Maltin’ jidentifika l-elementi fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna li m’għadhomx jirriflettu r-realta’ tal-lum u li allura hemm bżonn jinbidlu jew jiġu riġenerati.
Dan ir-rapport joffri wkoll sett ta’ 230 rakkomandazzjoni għal titjib tal-prodott turistiku eżistenti u l-ħolqien ta’ fatturi ġodda.
Fost oħrajn, ir-rapport janalizza dak li għandu x’joffri pajjiżna fil-qasam turistiku, il-kummenti u voti tat-turisti li jkunu żaru pajjiżna, analiżi tal-iktar postijiet li jiffrekwentaw it-turisti, il-provista ta’ servizzi reġistrati mal-MTA u li jiġu offruti lit-turisti, niċeċ u avvenimenti li joffri l-prodott turistiku Malti kif ukoll ħarsa u analiżi dettaljata dwar Għawdex u l-karatteristiċi distinti li toffri din il-gżira.

