Horace Fenech, ta’ 37 sena mis-Siġġiewi, ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li fera ħafif dak li kien ħabib tiegħu meta spara arma tan-nar waqt argument fid-direzzjoni tiegħu.
Inizjalment, Fenech kien mixli b’attentat ta’ qtil ta’ Nicholas Catania, iżda wara li ħarġu l-fatti l-Avukat Ġenerali deherlu li ma kien hemm l-ebda prova li tindika li dan kien attentat ta’ qtil. B’hekk, Fenech kien ġie mixli b’attentat ta’ ferita’ gravi, li kellu pusses ta’ arma tan-nar, użaha u ppontataha lejn Catania.
Wara li semgħet il-provi, il-Qorti qalet li l-inċident kollu beda minn nuqqas ta’ ftehim bejn iż-żewġt irġiel. Il-ħbiberija bejn it-tnejn tant marret lura, li Fenech talab lil Catania jħalli r-razzett tiegħu wara li kienu ilhom jgħixu flimkien għal erba’ xhur. Fenech argumenta li sieħbu kien qed jagħmilha ma’ kumpanija ħażina, li kien involut f’kaċċa llegali u li kellu apparat tal-għasafar (bird callers) li ma riedx fil-propjetà tiegħu. Aktar minhekk, Fenech akkuża lil Catania li kienu seraqlu pluviera.
L-akkużat qal fil-Qorti li l-argument kien skala u hu qabad mannara biex ibeżża’ lil Catania, iżda mbagħad tefagħha mit-tieqa għal isfel. Fl-istess ħin, Catania nsista li hu kien irnexxielu jneħħilu l-arma minn idejh u li kien hu li remiha. Minkejja kollox, il-mannara qatt ma nstabet mill-investigaturi tal-każ. Hekk kif Catania kien se jitlaq mir-razzett, mar ħdejn l-għasafar iżda allegatament Fenech spara lejn il-gaġeġ. Kienu sparati żewġ tiri oħra, bl-aħħar tir jolqot lill-vittma f’dahru, fi spallejh u f’għonqu.
Il-Maġistrat Edwina Grima qalet li Catania ntalaqat b’ċomba u mhux b’bullet immirata direttament lejh. Il-Qorti qalet li minħabba li l-ebda tir ma kien immirat lejn il-vittma, temmen li l-akkużat ma kellux l-intenzjoni li joqtol jew li jpoġġi l-ħajja ta’ sieħbu f’periklu, inkella li jweġġgħu gravament, iżda ried biss li jbeżżgħu. Madankollu, darbtejn f’ħin daqshekk qasir, Fenech ħebb għal Catania u weġġgħu. Għaldaqstant, hu nstab ħati li kkawża feriti ħfief, li ħebb għalih u li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar bla liċenzja.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius.
//= $special ?>
