Lokali

Tiġrijiet li għalqu l-Bypass tal-Imrieħel għal sigħat kienu sponsorjati minn kandidat Laburista għall-PE

Fil-15 ta’ Marzu li għadda nħoloq kaos fit-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta wara li l-Bypass tal-Imrieħel ingħalqet bejn 12pm u s-6pm biex isiru tiġrijiet taż-żwiemel. Diversi sewwieqa nqabdu f’konġestjoni qawwija tat-traffiku għal sigħat twal u kien hemm studenti li saħanistra waslu tard għall-ezamijiet tal-O’levels.

Dakinhar kien rappurtat li l-permess għal dawn it-tiġrijiet inħareġ wara pressjoni politika. Iżda issa, MaltaRightNow.com jista’ jiżvela li dawn it-tiġrijiet kienu sponsorjati minn Mario Farrugia Borg, li hu Uffiċjal Għoli fis-Segretarjat Privat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew. Dan joħroġ minn flyer li ħareġ il-kandidat Laburista stess dwar dawn it-tiġrijiet, imsejħa “Challenge Cup” (ritratt fuq).

Mario Farrugia Borg, li hu minn Ħal Qormi, sponsorja t-tiġrijiet tat-Trott fil-Klassi A B u C b’tazza u voucher ta’ €150 (ritratt isfel). Farrugia Borg hu qrib ħafna tal-Prim Ministru Muscat u kif kien stqarr l-Imam Mohammed el Sadi stess f’Mejju li għadda, Farrugia Borg kien strumentali biex il-komunità Musulmana tivvota lill-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Id-deċiżjoni li jsiru t-tiġrijiet fil-Bypass tal-Imrieħel kienet waħda kontroversjali u kif irrapportat il-gazzetta The Malta Independent, dan kien każ tal-ħmar iwaħħal f’denbu, bl-awtoritajiet konċernati jiċħdu li taw il-permess u jfarfru r-responsabbiltà fuq entitajiet oħrajn.

Il-Pulizija qalet li f’dan il-każ, bħalma jiġri f’każi oħrajn, oġġezzjonat li tingħalaq triq arterjali u qalet li l-permess jinħareġ mill-Kunsill Lokali. Ikkuntattjata mill-istess ġurnal, is-Sindku Laburista ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar qalet li l-Kunsill ta l-permess għal dawn it-tiġrijiet għax l-organizzaturi kellhom il-permess mingħand Transport Malta. Iżda kelliem għall-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal li min-naħa ta’ Transport Malta inħarġet biss no-objection letter u d-deċiżjoni finali kienet f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi.

Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali, is-Sindku Rosianne Cutajar u l-Viċi Sindku Jesmond Aquilina kellhom battibekk bejniethom dwar din it-tiġrija. Min-naħa tagħha, is-Sindku ġġustifikat dak li seħħ billi qalet li l-Kunsill ma kellux triq oħra ħlief li hu wkoll joħroġ ittra ta’ no-objection. Il-każ saħanistra wasal fil-Parlament, b’Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.

Fit-tweġiba, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia kkonferma li l-Pulizija ma ħarġux permessi għal dawn it-tiġrijiet taż-żwiemel. Min-naħa l-oħra, irriżulta li Transport Malta m’oġġezzjonatx, iżda waqt li għamlet diversi kundizzjonijiet, ukoll ma ħarġet l-ebda permessi.

Tigrijiet Bypass Imriehel Mario Farrugia Borg 2 150314