Qorti

16-il xahar ħabs wara li kkorrompa tifel ta’ 14-il sena

Raġel ta’ 52 sena minn Ħal-Qormi kien ikkundannat 16-il xahar ħabs mill-Maġistrat Chairmaine Galea wara li ammetta li b’egħmil żieni kkorrompa tifel ta’ 14-il sena.

Huwa ammetta li f’Ħal-Qormi u f’inħawi oħra f’dawn il-Gżejjer, f’Ottubru 2013 u fix-xhur ta’ qabel ipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt l-età. Iż-żewġ persuni jafu lil xulxin peress li kienu jiltaqgħu f’każin fl-istess lokalità.

Il-Qorti ordnat li wara li jtemm il-piena tiegħu, ir-raġel ma jersaqx jew ikellem lit-tifel għall-perjodu ta’ tliet snin. L-ismijiet tal-ħati u l-vittma ma jistgħux jiġu żvelati fuq ordni tal-Qorti biex jiġi protett il-minuri.

Għar-raġel deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Joe Ellis filwaqt li l-Ispettur Melvyn Camilleri mexxa l-Prosekuzzjoni.