Lokali

Anzjani f’kura residenzjali issa jistgħu jivvutaw fid-djar tal-anzjani stess

L-anzjani residenti fi djar residenzjali tal-anzjani li fihom joqogħdu aktar minn 50 resident issa se jkunu jistgħu jivvutaw fid-dar tal-anzjani tagħhom stess minflok jiġu trasportati sal-postijiet tal-votazzjoni. B’hekk, l-anzjani f’kura residenzjali jkunu jistgħu jivvutaw b’dinjità u mingħajr tbatija żejda li tista’ tħalli mpatt negattiv fuq saħħithom.

Fi stqarrija, f’isem il-Viċi Kap għall-Ħidma tal-Partit u Kelliem Ewlieni għall-Ġustizzja Beppe Fenech Adami, il-Partit Nazzjonalista qal li din il-miżura ġdida qed issir bis-saħħa ta’ emenda mressqa mill-Oppożizzjoni fil-Kumitat dwar il-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet tal-Parlament, li ltaqa’ lbieraħ stess biex jiddiskuti l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta u Diversi Liġijiet dwar l-Elezzjonijiet.

L-abbozz oriġinali kif ippreżentat mill-Gvern ma kienx jinkludi dan id-dritt u kien jgħid biss li l-votazzjoni tal-anzjani fl-elezzjonijiet ġenerali u tal-Parlament Ewropew għandha ssir is-Sibt ta’ qabel il-jum tal-votazzjoni mingħajr l-obbligu li l-votazzjoni ssir fid-djar residenzjali tal-anzjani stess.

L-emenda mressqa mill-Oppożizzjoni tfisser li issa mal-2,400 anzjan u anzjana f’aktar minn 24 dar residenzjali tal-anzjani se jkunu jistgħu jivvutaw fid-dar tal-anzjani li fiha huma residenti. B’hekk jitnaqqas l-inkonvenjent, it-tbatija u n-nuqqas ta’ dinjità li sal-lum kienu sinonimi mal-votazzjoni għall-anzjani fi djar residenzjali dakinhar tal-votazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jipproponi aktar emendi biex id-dritt tal-votazzjoni jkun wieħed li jista’ jiġi eżerċitat bl-aktar faċilità mill-votanti kollha, ittemm tgħid l-istqarrija.