Lokali

€900,000 lil 52 NGO mill-Istrina

52 NGO b’kollox bejniethom, ingħataw is-somma ta’ 900,000 ewro. Flus li nġabru grazzi għall-ġenerożità li wera l-poplu Malti fl-istrina 2013.

Il-President ta’ Malta George Abela ppreżenta d-donazzjonijiet lill-benefiċjarji f’ċerimonja fil-Palazz ta’ San Anton.

Fid-diskors tiegħu George Abela, minbarra li rringrazzja lill-Maltin għall-ġenerożità li dejjem urew fl-istrina u fl-attivitajiet kollha organizzati b’risq il-Malta Community Chest Fund, ta wkoll rendikont tal-flus li nġabru mill-Community Chest Fund u kif tqassmu fl-aħħar ħames snin.

B’kollox mill-2009 sal-2014 ingabru 16-il miljun ewro. Disa’ miljun u nofs marru għal spejjeż mediċi u aktar minn erba’ miljuni marru għal għaqdiet mhux governattivi.

George Abela fakkar kif minbarra l-flus li rnexxielna niġbru bħala poplu u li tqassmu skont il-bżonn, il-Malta Community Chest Fund irnexxielha tfaddal il-flus. Flus li marru biex infetħet id-Dar Kenn għal Saħħtek li ġiet tiswa maż-żewġ miljun ewro u nofs u li issa l-Periti qed jistmaw li tiswa aktar minn erba’ miljuni.

George Abela spjega kif fil-bidu tal-Presidenza tiegħu minbarra li ħass il-ħtieġa li jkun hemm aktar fondi biex jiġu mgħejuna persuni fil-bżonn, ħass wkoll li kull xahar kellu jkun hemm somma fissa allokata, li iniżjalment kienet ta’ 60,000 ewro.

Ilum din is-somma żdiedet għal kwart ta’ miljun ewro, li jmorru għal assistenza medika u għal min ikollu bżonn trattamenti barra minn Malta fost bżonnijiet oħra.

Fost l-għaqdiet li bbenefikaw mid-donazzjonijiet tal-istrina 2013 hemm il-Youth Alive Foundation, Puttinu Cares, il-Hospice Movement, l-Assoċjazzjoni għall-annimali abbandunati u l-Caritas San Blas. Fil-fatt aktar tard tul il-ġurnata l-President żar lir-residenti fiċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni ta’ San Blas fejn ippreżenta vannijiet li nxtraw bil-flus li ngħataw lilhom mill-Istrina 2013.

George Abela spjega wkoll li l-flus din is-sena tqassmu qabel issoltu, biex jagħlaq il-kotba mat-tmiem tal-mandat tiegħu. Temm jgħid li hu kburi li fl-aħħar ħames snin il-mentalità tal-poplu nbidlet mhux ħażin u sar aktar lest biex jgħin fejn jara s-serjetà, mingħajr ma jistenna xejn lura.