Editorjal

Editorjal: Vuċi lin-nies u tarka tal-interessi tagħhom

Ma kinetx xi sorpriża li l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA, ivvutat favur it-tanker tal-gass li l-gvern Laburista jrid jankra f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk meta għandu alternattivi oħrajn: li jankrah ‘il barra fil-baħar inkella li juża l-pipeline tal-gass li diġà kien ħadimlu għalih mal-Ewropa l-gvern ta’ qabel.

Tnawwir tal-istituzzjonijiet
Ma kinetx sorpriża għax illum qed naraw it-tnawwir tal-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex jiddefendu lin-nies imma li issa l-Prim Ministru Muscat imliehom bil-ħatriet tiegħu – ħlief fejn il-liġijiet ma jħalluhx – biex jiddefendu lilu.

Juru li daħlu biex jaħtfu
Għax barra gvern li fih hu evidenti li ħafna madwar Muscat daħlu biex jaħtfu minn flusna, il-ħatriet li għamel Muscat f’ħafna istituzzjonijiet – mhux fil-MEPA biss – juru ċar l-intenzjoni li jinqaleb ta’ taħt fuq l-iskop għala jeżistu istituzzjonijiet pubbliċi bħall-MEPA.

Prim Ministru li jiddikjara li se jwebbes rasu
U aktar. Għax it-tnawwir tal-istituzzjonijiet li suppost jiddefendu lin-nies hu organizzat u preċiż. Fil-laqgħa tal-MEPA nhar it-Tnejn rajna lill-Prim Ministru nnifsu jikteb lill-MEPA biex jgħidilha li se jkompli għaddej anke jekk ikun hemm appell.

Folla organizzata biex ma tħallix lil min jitkellem
Rajna folla Laburista organizzata – bħad-dibattiti ta’ qabel l-elezzjoni fl-Università u fl-MCAST – biex twaqqaf milli jitkellem lil min ma jaqbilx ma’ Muscat. Rajna s-Sindku Laburista ta’ Marsaxlokk – ieħor mogħti promozzjoni eżatt f’nofs dil-kwistjoni kollha – jiddefendi lil Muscat flok lir-residenti li hu Sindku tagħhom.

Il-kuntrast ma’ dak li qed jagħmel Muscat
B’kuntrast, f’dil-kwistjoni rajna lill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil jagħti leħen lin-nies u jiddefendi l-interessi tan-nies.

Oppożizzjoni għat-tnawwir tal-istituzzjonijiet
Jagħti leħen lin-nies li ma jaqblux ma’ dak li qed isir, għax dan hu r-rwol veru ta’ oppożizzjoni speċjalment fejn l-istituzzjonijiet qed jitnawru. Muscat qed jipprova jbellagħha lin-nies li l-oppożizzjoni qiegħda hemm biex toqgħod iċċapċaplu, imma ffaċċjat bil-pożizzjoni differenti fuq dil-kwistjoni mqar tad-Deputata tiegħu stess Marlene Farrugia, Muscat lanqas biss daħal il-Parlament jismagħha.

Difiża tan-nies kollha
F’dil-kwistjoni rajna lil Simon Busuttil u l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista jiddefendu wkoll l-interessi tan-nies, huma min huma. Fl-inħawi fejn se jkun it-tanker, il-Partit Nazzjonalista lanqas biss ġab terz tal-voti fl-elezzjoni li għaddiet. Imma dawk li vvutaw Labour ma vvutawx għal tanker tal-gass f’nofs il-bajja għax Muscat qatt ma semmielhom dan. U issa qed jiddefendihom il-Partit Nazzjonalista.

Vuċi u tarka kontra min qed inawwar l-istituzzjonijiet
Dan hu x’ħareġ, anke nhar it-Tnejn: gvern li qed inawwar l-istituzzjonijiet li suppost jiddefenduna u Partit Nazzjonalista li qed ikun il-leħen tan-nies kollha u t-tarka tal-interessi tagħhom.