Kunsilli Lokali Lokali

Filmat: Ir-residenti għandhom juru li ma jaqblux mat-tanker fil-Bajja ta’ Marsaxlokk bil-vot tagħhom fl-24 ta’ Mejju

Issa li kontra kull parir, u minkejja l-appelli kollha li saru, il-MEPA approvat il-proġett tal-Power Station il-ġdida u t-tanker tal-gass ankrat f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk, ir-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa għandhom ikomplu juru li ma jaqblux permezz tal-vot tagħhom fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Hekk sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’kummenti li ta lill-ġurnalisti dwar il-vot tal-Bord tal-MEPA jumejn ilu.

Simon Busuttil, li kien qed jitkellem waqt żjara lill-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista f’San Ġwann, qal ukoll li l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni u l-passi li jmiss dwar dan is-suġġett se jkunu diskussi f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. F’San Ġwann, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien mistoqsi wkoll dwar il-każ tal-kuntratt ta’ konsulenza li rebħet id-ditta legali tiegħu meta kien Kap tal-Uffiċċju Informazzjoni Malta-UE (MIC). Hu sfida lill-Prim Ministru biex minflok jitfa’ l-ħmieġ fuq ħaddieħor biss, jirreferi l-każ lill-Kummissarju tal-Pulizija għall-investigazzjoni. Imbagħad, jekk isib xi ħaġa li hi rregolari u llegali, jieħu passi.

Simon Busuttil sostna li hu m’għamel assolutament xejn ħażin u fl-aħħar jiem fetaħ libell kontra l-gazzetta Laburista wara li allegat li l-kuntratt ingħata b’direct order lill-kumpanija li fiha kien sieħeb Simon Busuttil minħabba r-rwol tiegħu fil-kumpanija u mhux minħabba l-kompetenza tad-ditta biex tagħmel dan ix-xogħol.

Sadanittant, f’San Ġwann il-Kap tal-PN kellu laqgħa mal-Kunsillieri mmexxija mis-Sindku Etienne Bonello du Puis fl-Uffiċċju tal-Kunsill. Busuttil qal li l-PN se jkompli jinsisti mal-Gvern li jkunu ppubblikati r-riżultati ta’ nkjesta li saret dwar is-sigurtà tal-Uffiċċju tal-Kunsill. Dan wara li f’nofs Awwissu li għadda ċediet parti mis-saqaf ta’ kamra fil-kwartieri tal-Kunsill fejn jingħataw il-lezzjonijiet tal-kompjuter lill-istudenti. Dan kien wassal biex id-Dipartiment tal-Gvern Lokali jordna investigazzjoni biex ikun ċertifikat li l-bini hu sigur.

Minkejja li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali José Herrera kien wiegħed li l-inkjesta se titlesta sa xahar wara, minkejja diversi talbiet li saru mill-Kunsill s’issa għadu mhux magħruf x’ħareġ. Il-Kunsill, spjega s-Sindku lill-Kap tal-PN, mhux jitħalla juża’ ż-żona alternattiva li ġiet identifikata ftit ‘il bogħod biex fiha jsir Ċentru Ċiviku.

Dan il-proġett kien se jinkorpora l-immodernizzar tal-ġnien faċċata tal-Knisja Parrokkjali u ċ-Ċentru tal-Boċċi ta’ San Ġwann minħabba wegħda li l-Partit Laburista kien għamel lill-Klabb tal-Boċċi qabel l-elezzjoni minkejja li kien diġà ġie identifikat u attrezzat post ieħor fl-inhawi ta’ Zwejt għal dan il-Klabb biex iservi bħala Klabb tal-Boċċi.