Lokali

Filmat: It-tanker tal-gass se jaffetwa n-nar tal-festi?

[youtube width=”600px” height=”400px”]uMNhm3ca3Ng[/youtube]

Mill-laqgħa pubblika tal-MEPA li saret nhar it-Tnejn, u li matulha l-Bord tal-Awtorità approva l-applikazzjoni għall-power station tal-gass f’Delimara li se tfisser li se jiġi ankrat tanker antik b’ħażna kbira ta’ gass LNG f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk, ħarġu numru kbir ta’ mistoqsijiet li baqgħu ma kinux imwieġba.

Fost dawn kien hemm dik li għamel Louis Tanti mill-Għaqda tan-Nar taż-Żejtun li għandha l-kamra tan-nar f’Tas-Silġ. Hu staqsa jekk huma hux se jkunu jistgħu jkomplu għaddejjin bil-ħidma tagħhom fil-post wara li jsir dan il-proġett fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Anke d-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina staqsa dwar jekk ikunx jista’ jibqa’ jinħaraq nar fiz-zona.

Ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fil-Bord tal-MEPA, id-Deputat Ryan Callus ukoll staqsa tistax tingħata assigurazzjoni jekk il-kamra tan-nar taż-Żejtun f’Tas-Silġ hix se tiċċaqlaq jew le filwaqt li staqsa wkoll jekk jistax jinħaraq nar mill-port ta’ Marsaxlokk għall-festi ta’ Marsaxlokk u ta’ Birżebbuġa.

Fir-risposta tiegħu, iċ-Chairman tal-MEPA, Vince Cassar qal li ma jistax jagħti assigurazzjonijiet u garanziji.

Sadattant, l-Ewro-Parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola fi stqarrija qalet li l-permess maħruġ mill-MEPA biex jitpoġġa tanker b’ħażna ta’ gass LNG fil-bajja ta’ Marsaxlokk mhux se jwaqqaf il-proċess biex ikun stabbilit jekk hux qed jinkisru d-direttivi tal-UE fuq is-sigurtà, proċess li għaddej fil-Parlament Ewropew.

Metsola fakkret fil-petizzjoni li ressqet hi quddiem il-Parlament Ewropew li fiha ħeġġet lil Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga r-riskju għas-sigurtà tan-nies bil-pjan tal-Gvern li jpoġġi t-tanker b’ħażna tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

L-MEP tal-PN qalet li filwaqt li r-riżultat tal-vot tal-MEPA ma kienx sorpriża, fil-laqgħa ħareġ li hemm ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba u ħafna riskji li ma kinux studjati fosthom li ma sarx studju dwar l-impatt marittimu. Hi spjegat li lanqas ma sar studju dwar ir-riskju finali u r-residenti taz-zona huma mħassba għax it-tanker se jkun viċin tagħhom.

Roberta Metsola fakkret ukoll fl-ittra li l-Prim Ministru bagħat lill-Bord tal-MEPA u li nqrat fil-bidu tal-laqgħa li fiha infurmahom li jekk ikun hemm appell, il-Gvern xorta se jibqa’ għaddej bil-proġett. Il-petizzjoni issa mistennija tkun ikkunsidrata mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew li Roberta Metsola hi membru fih.