Parlament

Ħtieġa li tingħata prijorita’ fil-finanzjament tas-settur tas-Saħħa

Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa, presedut mid-Deputat Laburista Etienne Grech, li saret fil-Kamra tal-Kumitati lbieraħ filgħaxija, saret enfasi biex l-isfidi u l-opportunitajiet fis-saħħa jkunu indirizzati u kemm hu possibbli jkunu solvuti mill-aktar fis.
Claudio Grech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa qal li din hi ġurnata u seduta importanti għall-Oppożizzjoni kif ukoll għas-settur tas-Saħħa għax twaqqaf kumitat biex jaħdem iżjed dwar dan il-qasam tassew importanti fil-pajjiż.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-isfidi li hemm illum, m’jhumiex marbutin ma’ ċirkostanza temporanja u lanqas mhuma marbutin ma’ leġislatura ta’ ħames snin. It-twaqqif ta’ dan il-kumitat hu bbażat fuq l-istanding orders li ġew approvati miż-żewġ naħat tal-Kamra. Hu qal li dan hu l-ewwel pass biex is-settur jimxi ‘l quddiem.

Claudio Grech irrimarka li l-qasam tas-Saħħa hu rilevanti u sostna li għandhom ikunu influwenzati programmi u deciżjonijiet li jolqtu l-aktar nies vulnerabbli fl-aktar ħin li jkollhom bżonn l-għajnuna. Hu sostna li trid issir enfasi akbar biex is-Saħħa tirrifletti il-ġustizzja soċjali. Fakkar li hawn persuni li mhux qed ikunu moqdija u allura dawn in-nies għandhom ikunu aġevolati.

Hu qal li l-Oppożizzjoni ilha tisħaq dwar il-politika tal-kunsens fil-qasam tas-saħħa; id-Deputat Nazzjonalista stqarr li t-twemmin li ġej mill-politika tal-Oppożizzjoni ġej mill-fatt li kull deċiżjoni li trid tittieħed għandha tkun xprunata u marbuta mal-pazjenti u l-impjegati fis-settur tas-saħħa.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni saħaq li dan il-pass li għamlet lill-Oppożizzjoni hu wieħed kuraġġuż; ma qagħdietx gallarija u minflok qed taħdem biex ikunu solvuti jew ikunu indirizzati dawk il-problemi jew sfidi f’dan is-settur. Claudio Grech appella biex dan il-kumitat jitratta suġġetti li verament jolqtu lil-pazjenti u li l-operat ta’ dan il-kumitat ikun xprunat bi trasparenza filwaqt li ma jinħeliex ħin bla bżonn.

Godfrey Farrugia, il-Ministru għas-Saħħa ippreżenta lista ta’ 24 suġġett li jindirizzaw sfidi jew opportunitajiet marbutin mas-Saħħa. Hu qal li Malta bħalissa tinsab f’salib it-toroq u allura trid issir ħidma f’dan is-settur.

Il-Ministru Farrugia fisser kif il-Gvern attwa l-Liġi dwar is-Saħħa u ta l-mekkaniżmi biex is-settur jaħdem aħjar. Il-pjan tal-Gverm se jkun qed iwassal għal strateġija biex il-qasam tas-Saħħa jkun sostenibbli.

Hu rrefera għal numru ta’ problemi, fosthom, ir-rata baxxa tat-twelid tat-trabi, il-popolazzjoni tal-anzjani, il-problema tal-piż żejjed u n-nuqqas tal-eżerċizzju. Allura tali problemi se jkunu qed iwasslu għal iżjed mard li, fl-aħħar mill-aħħar, jagħmel piż fuq il-finanzi.

Il-Ministru Farrugia qal li trid tinbidel il-kultura tan-nies u allura jirrikorru għaċ-Ċentri tas-Saħħa jew għand it-tabib tal-familja, flok imorru mill-ewwel fl-Isptar Mater Dei.

Hu jrid jara struttura ta’ tibdil intern li jkun kontinwu u jħares lejn il-performance indicators b’mod li jkun hemm, fost oħrajn, trasparenza sabiex ir-ristrutturar jkun bis-sens u ffukat lejn il-pazjent.

Godfrey Farrugia ddeplora s-sensazzjonaliżmu u appella lill-media biex l-għajdut li jingħad ma tiddeskriviehx bħala wieħed veritier.

Id-Deputat Nazzjonalista Michael Gonzi kkritika lill-Gvern għax fil-baġit ma ngħatatx biżżejjed importanza lill-Kura Primarja. Hu qal li hawn ħafna problemi assoċjati ma’ din it-tip ta’ kura u stqarr li għandha tingħata ħafna għajnuna; hu żied li jekk l-affarijiet iridu jimxu ‘l quddiem għandu jkun hemm kunsens.

Ma jistax ikun, sostna d-Deputat Nazzjonalista, li l-pazjenti jibqgħu jiġu kkurati fil-kurituri. L-Oppożizzjoni lesta tikkoopera u taqsam l-ideat tagħha biex is-settur jimxi ‘l quddiem.
Il-Ministru Farrugia qal li s-settur se jkun qed jagħmel ċertu avvanzi, malli jidħlu fis-seħħ il-preskrizzjonijiet elettroniċi. Hu saħaq li l-Gvern se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu biex isaħħaħ il-kura primarja u l-kura komunitarja.

Hu qal li pajjiżna jrid iħabbat wiċċu ma’ sfidi oħrajn, fosthom, il-governanza u allura l-mod kif jimxu l-entitajiet. Godfrey Farrugia saħaq li għandu jkun hemm tisħiħ dwar it-teknoloġija marbuta mas-Saħħa.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-Kumitat għandu jaqbel dwar il-metodu kif għandu jipproċedi minn issa ‘l quddiem. Hu ssuġġerixxa li tintuża l-prassi li l-Kumitat jiltaqa’ kull ħmistax-il ġurnata filwaqt li tkun allokata seduta għal kull suġġett. Claudio Grech saħaq li l-aktar suġġett jaħraq bħalissa hu l-kwistjoni tar-relazzjonijiet industrijali. Dwar dan kien hemm qbil u l-Kumitat mistenni jiddiskuti dan is-suġġett f’seduta li se tiltaqa’ tliet ġimgħat oħra.

Fil-laqgħa tqajjem ukoll l-aspett tas-sostenibbilta’ fl-iskema tas-saħħa għal kulħadd f’Malta u f’Għawdex. Saret referenza, fost oħrajn, għall-assikurazzjonijiet mediċi u l-Ministru Farrugia stqarr li wieħed għandu jara kif in-nies qed ikunu assikurati. Hu qal ukoll li teżisti diskrepanza kbira fl-ispejjeż marbutin mal-kura primarja u dik sekondarja.

Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li s-sostenibbilta’ dwar l-iskema tas-saħħa għandha tkun tanġibbli. Hu qal li hawn interpretazzjoni żbaljata li s-servizz tas-saħħa mhix b’xejn; dan għax żewġ terzi qed ikun finanzjat mill-istat u terz ieħor finanzjat mill-privat. Hu stqarr li wieħed, fost oħrajn, irid jipprijoritizza l-finanzjament ta’ dan il-qasam, tingħata importanza lill-innovazzjoni, li l-operaturi privati jkunu mħeġġa jinvestu u li jkun trattat l-aspett li s-saħħa tiġi qabel kull profitt.