Lokali

Il-Gvern b’tentattiv biex pazjenti jintbagħtu San Vinċenz jew Mount Carmel biex jipprova jikkontrolla l-iffullar f’Mater Dei

Qed joħroġ dejjem aktar fiċ-ċar li l-Gvern Laburista tilef għal kollox il-kontroll tas-sitwazzjoni tal-iffullar fl-Isptar Mater Dei. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, din is-sitwazzjoni qed issir aktar kaotika. Fl-aħħar sigħat, il-Ministeru tas-Saħħa, immexxi minn Godfrey Farrugia, kellu jieħu d-deċiżjoni li għadd ta’ pazjenti jiġu trasferiti mill-Isptar Mater Dei għar-Residenza San Vinċenz de Paul jew l-Isptar Monte Carmeli.

MaltaRightNow.com hu nfurmat li Uffiċjali fil-Ministeru tas-Saħħa qattgħu l-ahhar jiem iċemplu f’numru ta’ swali fl-Isptar Mater Dei li bħalissa jinsabu mimlija daqs bajda. Fit-telefonati, l-Uffiċjali tal-Ministeru qed jitolbu d-dettalji tal-pazjenti bil-ħsieb li dawn jiġu trasferiti għal San Vinċenz jew Mount Carmel biex tittaffa l-problema f’Mater Dei għax issa mhux is-swali biss huma mimlijin bis-sodod, iżda wkoll il-kurituri, li ma jifilħux jieħdu aktar pazjenti.

Infermieri li tkellmu magħna qalu li deċiżjoni bħal din ma tagħmilx ħlief deni lill-pazjenti li jiġu trasferiti. Dan hekk kif dawn iż-żewġ istituzzjonijiet alternattivi mhumiex attrezzati biex iservu bħala sptar li joffri kura akuta.

Fix-xhur li għaddew, kienu diversi ċ-ċirkostanzi meta l-Ministru Farrugia ftaħar li s-sitwazzjoni tal-iffullar fl-Isptar qed tinġieb taħt kontroll. Iżda dan kollu juri kif dan assolutament mhuwiex il-każ. Fil-verità s-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar, minn ġimgħa għal oħra tant li saħanistra mhux is-swali biss spiċċaw iffullati, iżda wkoll il-kurituri li jinsabu mimlija. Dan qed iwassal biex l-infermieri mhux ilaħħqu biex jagħtu servizz xieraq.

L-infermieri li tkellmu magħna spjegaw li dan hu konferma li s-sitwazzjoni ħarbet għal kollox minn taħt il-kontroll tal-Gvern.

Fl-aħħar jiem komplew jiżdiedu l-ispekulazzjonijiet dwar x’se jkun jikkonsisti r-reshuffle li se jagħmel il-Prim Ministru Muscat fil-kabinett tal-Ministri. B’dak li qed isir magħruf li qed iseħħ fil-qasam tas-saħħa, qed tkompli tissaħħaħ ix-xniha li fost dawk li jitilfu posthom se jkun hemm propju l-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia. Dawn l-iżviluppi xejn ma jidhru li qed jawguraw tajjeb għas-sieħeb tal-backbencher Laburista Marlene Farrugia.

(Ritratt: mill-Arkivji)