Lokali

Il-Liġi Kriminali emendata biex jiħraxu l-pieni kontra min jattakka Uffiċjali Pubbliċi

Mil-lum daħlu fis-seħħ emendi għal-Liġi Kriminali, li permezz tagħhom ħraxu l-pieni kontra min jattakka Uffiċjali Pubbliċi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom jew għax qdew dmirhom. Dawn l-emendi, li kienu approvati mill-Parlament dan l-aħħar, ġew ippreżentati mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-Kamra tar-Rappreżentanti f’Ġunju li għadda.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bitħa tal-Palazz, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali fisser li Uffiċjal Pubbliku hu kulmin jeżerċita fil-pajjiż xi setgħa fil-Gvern, bħal membri fil-Korp tal-Pulizija u fil-Forzi Armati. Uffiċjali Pubbliċi oħrajn, li b’kollox f’Malta hawn madwar 20,000 minnhom, jistgħu jkunu Kapijiet ta’ Skejjel, Għalliema, LSAs, Tobba, Infermieri u Skrivani.

Jason Azzopardi qal li r-reati ta’ vjolenza żdiedu matul dawn l-aħħar snin. Fl-2007 kien hemm 117-il persuna li nstabu ħatja li attakkaw Uffiċjali Pubbliċi, fl-2011 kien hemm 208, filwaqt li bejn l-2009 u Settembru 2013 kien hemm 402 persuni li tressqu l-Qorti talli attakkaw lill-Pulizija. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li mhux biss ħraxu l-pieni, iżda żdiedu wkoll il-multi li saru obbligatorji.

Il-piena għal min jattakka jew jirreżisti Uffiċjal Pubbliku nbidlet minn perjodu ta’ bejn erba’ xhur u sena habs għal bejn sitt xhur u tliet snin ħabs kif ukoll multa ta’ bejn €4,000 u €15,000. Għal min jattakka Uffiċjal Pubbliku bi vjolenza, il-piena nbidlet minn waħda ta’ bejn disa’ xhur u tliet snin ħabs għal waħda ta’ bejn sena u erba’ snin flimkien ma’ multa ta’ bejn it-€8,000 u l-€20,000.

Fi stadju ta’ Kumitat, qabel ma dawn l-emendi saru Liġi, kien hemm qbil mal-Gvern li jiħraxu wkoll il-pieni għal min jhedded u jattakka bi vjolenza lil xi Imħallef, lill-Avukat Ġenerali jew lil xi Maġistrat.

Jason Azzopardi qal li jinsab sodisfatt li sa fl-aħħar qed tingħata iżjed protezzjoni lill-Uffiċjali Pubbliċi. Hu sellem b’mod partikolari lill-eks Ministru Carm Mifsud Bonnici, li kien strumentali biex għamel l-ewwel pass ħalli dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ.