Lokali

Il-PL jikkonferma li ma sar xejn illegali jew irregolari fil-kuntratti ta’ konsulenza ta’ Simon Busuttil

[youtube width=”600px” height=”400px”]NqbaKS23l6A[/youtube]

M’hemm xejn illegali jew irregolari fil-kuntratti ta’ konsulenza li d-ditta legali tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ħadet fis-snin li għaddew.

Din kienet ir-reazzjoni tal-Partit Laburista għall-isfida li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel l-Erbgħa filgħodu lill-Prim Ministru Muscat biex imur għand il-Kummissarju tal-Pulizija ħalli jinvestiga l-irregolaritajiet jew illegalitajiet.

Mistoqsi minn maltarightnow.com, f’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-preżenza tal-President tal-partit Daniel Micallef, jekk il-Partit Laburista hux se jilqa’ l-isfida tal-Kap tal-Oppożizzjoni, is-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici ddikjara li l-Prim Ministru Muscat mhux se jilqa’ din l-isfida.

Mistoqsi għat-tieni darba dwar dan, Owen Bonnici reġa’ kkonferma li fil-kuntratti li d-ditta legali ta’ Simon Busuttil rebħet fis-snin li għaddew “ħadd ma għamel xi reati kriminali”.

Joseph Muscat jagħżel li jkompli jipprova jħammeġ minflok jitlob lill-Kummissarju jinvestiga

Intant, fi stqarrija b’risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista qal li t-tfigħ tat-tajn, it-tgħawwiġ tal-fatti u n-negattività ta’ Joseph Muscat u tal-Partit Laburista m’għandhomx limitu. Il-Prim Ministru Muscat qed jagħżel li jkompli jipprova jħammeġ minflok jilqa’ l-isfida tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex il-Kummissarju tal-Pulizija jintalab jinvestiga.

Il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat donnu qiegħed jinsa li issa m’għadux reporter tas-Super One iżda Prim Ministru ta’ pajjiżna u qed jaħrab mid-dover tiegħu bħala Prim Ministru, u cjoé li jitlob lill-Pulizija tinvestiga kull fejn ikollu dubju dwar aġir mhux xieraq.

Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat ma jridx li toħroġ il-verità sħiħa dwar dan il-każ għax jaf li l-verità ma tkunx iddoqq tajjeb għal widnejh.

“Xejn ġdid mill-Partit Laburista. Xejn ġdid minn Joseph Muscat.”

Skont il-Partit Nazzjonalista huwa ċar li Joseph Muscat jippreferi jibqa’ jagħmilha ta’ showman milli ta’ Prim Ministru, u qed jitfa’ t-tajn fuq ħaddieħor biex inessi li f’sena ta’ Gvern Laburista, sawwar Malta li hi tiegħu biss.

L-istqarrija tirreferi għal kif Joseph Muscat sar l-ewwel Prim Ministru li qed jikri l-karozza tiegħu lilu nnifsu biex idaħħal €35,000 oħra għalih inniffsu. Il-Partit Nazzjonalista qal li l-kredibbiltà tal-Prim Minstru Joseph Muscat tkompli tittappan meta wieħed jifhem li beda din il-kampanja orkestrata kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex mingħalih joħnoq il-vuċi tal-Oppożizzjoni, qal il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għadu qatt ma offra l-ebda spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni għall-jobs li ta lill-ħabiba tal-mara tiegħu b’paga ta’ €60,000 fis-sena, imħallsa mit-taxxi tal-poplu Malti, biex hi tkun tista’ tkompli tmexxi n-negozju tagħha fi New York u lill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li qed titħallas €13,000 fix-xahar mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.