Lokali

Imħallef u Maġistrat ġdid jingħataw il-ġurament tal-ħatra

Il-membri tal-ġudikatura jridu dejjem iġorru magħhom il-bibbja tal-Kodiċi tal-Etika biex tkompli tissaħħaħ il-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji.

Il-President ta’ Malta George Abela għamel dan l-appell waqt iċ-ċerimonja uffiċjali tal-ġurament tal-ħatra tal-Maġistrat Edwina Grima bħala Imħallef u tal-Avukat Joanne Vella Cuschieri bħala Maġistrat.

Iċ-ċerimonja saret fil-Palazz il-Belt u għaliha attendew ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Avukat Ġenerali Peter Grech u qraba tal-Imħallef u l-Maġistrat il-ġodda.

Il-President qal li l-għażla ta’ żewġ nisa tagħti lill-ġudikatura sentimenti ta’ ġustizzja b’wiċċ uman. Hu appella wkoll biex il-poplu jinqeda kemm jista’ jkun malajr fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji.

L-Imħallef Edwin Grima irringrazzjat lil dawk li wrew fiduċja fiha meta seba’ snin ilu nħatret Maġistrat u qalet li matulhom iltaqgħet ma’ ħafna problemi umani li mmaturawha. Hi rringrazzjat lill-membri tal-familja tagħha u lill-ġenituri tagħha għall-valuri sodi Insara li tawha.

Il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri qalet li issa ngħatat kariga ġdida b’responsabbiltà kbira li mhix se tibża’ minnha. Hu wkoll irringrazzjat lil membri tal-familja għall-appoġġ li tawha.

L-Imħallef Edwina Grima għandha 44 sena, ħadmet bħala Avukat u speċjalizzat f’kawżi ċivili u matrimonjali u serviet bħala Chairman tat-Tribunal għat-Talbiet Żgħar u tal-Bord tal-Appelli minn deċiżjonijiet dwar is-Sigurtà Soċjali. Hi miżżewġa u għandha tliet itfal.

Il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri, li għandha 38 sena, ilha mill-2005 sservi bħala konsulent legali tal-GWU u fil-Union of Technical and Clerical Staff tal-MEPA. Hi miżżewġa u għandha tliet itfal. Ikkontestat ukoll l-aħħar elezzjoni ġenerali mal-partit laburista.