Hemm bżonn isir aktar biex nassiguraw li d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà jkunu mħarsa u rispettati. Il-pubblikazzjoni tal-abbozz tal-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà hi pass fid-direzzjoni t-tajba. Din kienet l-ewwel reazzjoni għal dan l-abbozz mill-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewroepw Stefano Mallia.
Fi stqarrija, hu sostna li pajjiżna għadu ma jafx kif il-Gvern beħsiebu jsaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fid-dinja tax-xogħol. L-abbozz tal-Politika Nazzjonali, li issa hi miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika, iħares lejn diversi kwistjonijiet, fosthom l-appoġġ lill-familji tal-persuni bi bżonnijiet speċjali u anke l-aċċessibbiltà. L-abbozz iħares ukoll lejn ħajja indipendenti.
Għal Stefano Mallia, ħajja indipendenti ddur mad-dritt li wieħed jagħżel dak li jħoss li hu tajjeb għalih. Madankollu, sostna l-kandidat tal-PN, dan id-dritt mhux dejjem ikun disponibbli għall-persuni b’diżabbiltà. Stefano Mallia qal li l-istituzzjonijiet tal-lum mhux dejjem qed jaqdu l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabbiltà. Għaldaqstant, hu appella għal bini ta’ aktar residenzi żgħar fil-komunità biex dawn il-persuni jkollhom l-appoġġ kollu li jkollhom bżonn, skont il-ħtiġijiet tagħhom.
Il-kandidat tal-PN wiegħed li jkompli jagħti l-appoġġ tiegħu lill-persuni b’diżabbiltà u lill-familji tagħhom, b’ħidma wkoll favur id-drittijiet u l-ġlieda tagħhom ħalli jiksbu dak li hu tagħhom.
//= $special ?>