Kultura

Jintwera t-trailer tal-film Simshar – iqanqal memorji dwar traġedja li seħħet fl-2008

It-trailer uffiċjali tal-film Simshar, li jitratta waħda mill-ikbar traġedji f’Malta fl-aħħar snin, tnieda fil-Kumpless Embassy. Il-premiere tal-film se jixxandar fis-swali tal-films fil-kumplessi Embassy, il-Belt u Empire f’Buġibba fis-27 ta’ April qabel ma jintwera għall-pubbliku mit-30 ta’ April ‘il quddiem.

Dan il-film ifakkar l-avvenimenti drammatiċi li kienu seħħew matul is-sajf tal-2008 meta l-lanċa tas-sajd Simshar kienet splodiet. L-ekwipaġġ ta’ din il-lanċa, b’kollox erbat irġiel u tifel, kien salva iżda wara ħafna jiem fil-baħar, żewġt irġiel u t-tifel kienu mietu. Sid il-lanċa, Simon Bugeja, ħelisha minn din it-traġedja u kien salvat wara tfittxija intensiva.

Il-film inħadem minn Kukumajsa Productions Limited, b’kitba ta’ Rebecca Cremona u David Grech u b’direzzjoni tal-istess Rebecca Cremona.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-producers tal-film għamluha ċara li l-film hu wieħed fittizju u mhux dokumentarju. Rebecca Cremona fissret li l-proġett jintroduċi l-industrija indiġena tal-films kif ukoll jesponi t-talent kbir u l-kultura għanja tal-Maltin.

Wara t-tnedija tat-trailer tal-film, il-Ministru Manuel Mallia qal li l-Gvern jinsab f’taħditiet mal-Fakulta’ tal-Arti fl-Universita’ ta’ Malta biex ikun introdott kors li jwassal għal lawrija ta’ Masters fil-produzzjoni tal-films. Hu qal li gvern qed jappoġġja produzzjonijiet simili u stqarr li mill-baġit għal din is-sena ġie ivvotat miljun ewro għal ko-produzzjonijiet.

Tkellem ukoll, fost ohrajn, il-Kummissarju tal-Films Engelbert Grech li appella biex inkunu iżjed kreattivi f’din l-industrija.

Il-film Simshar inġibed f’temp ta’ 29 gurnata bejn Novembru 2012 u April tas-sena li għaddiet. Il-produzzjoni nġibdet kollha kemm hi f’Malta – fil-faċilitajiet tal-films fir-Rinella, fil-baħar u f’21 post madwar il-gżira.

Simshar jiffoka fuq lanċa tas-sajd Maltija li tisplodi u tħalli lill-ekwipaġġ tagħha fil-baħar għal ħafna jiem. Il-film jitratta wkoll l-istorja ta’ infermier li jispiċċa ostaġġ abbord bastiment li salva immigranti Afrikani u li Malta u l-Italja rrifjutaw biex dan jiddaħħal fl-ibħra territorjali tagħhom.

L-istejjer jisvolġu pari passu u jilħqu l-qofol tagħhom fi traġedja meta s-sajjieda jintlemħu fil-bahar iżda ma jkunux salvati, wara li jkunu maħsuba li huma immigranti Afrikani. Fil-verita’, Simon Bugeja kien salvat sebat ijiem wara li s-Simshar kienet splodiet f’ċirkostanzi misterjużi. Missieru Karmenu, Noel Carabott, Abdulrahman Abdala Gedi u iben Simon Bugeja, Theo kienu għerqu.

[youtube width=”600px” height=”400px”]jnOLsCGV8XQ[/youtube]