Qorti

Jitressaq il-kompliċi tal-kaċċatur li qatel għasfur protett

Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea tressaq Joseph Camilleri ta’ 55 sena minn Ħaż-Żebbuġ mixli li kien il-kompliċi tal-kaċċatur Lee Grima, li t-Tlieta filgħaxija ammetta fil-Qorti li qatel Fras-Servjent, għasfuq protett, li huwa magħruf bl-Ingliż bħala “Black-winged Stilt”.

Camilleri, li kien arrestat l-ewwel wieħed ġie mixli li nforma lil Lee Grima fejn kien hemm erba’ għasafar protetti minn dawn l-ispeċi u għalhekk ħajjru biex jiġu kkaċċati dawn it-tip ta’ għasafar.

Camilleri ġie mixli li nhar it-Tnejn li għadda huwa kkonfoffa ma’ Grima sabiex waqt l-istaġun magħluq tal-kaċċa tal-għasafar mhux minn fuq il-baħar. Dan peress li qal lil Lee Grima li kien hemm erba’ għasafar Fras-Servjent fil-Qajjenza, bi Grima imur joqtol wieħed minnhom.

Huwa ġie mixli wkoll li sar reċidiv b’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati u l-Prosekuzzjoni talbet ukoll biex f’każ ta’ ħtija ikun hemm is-sospensjoni ta’ kull liċenzja li għandha x’taqsam mal-kaċċa.

Lee Grima li huwa wkoll Żebbuġa u li għandu 24 sena nhar it-Tlieta filgħaxija kien ikkundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal sena u mmultat €1,000 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li nhar it-Tnejn li għadda spara u qatel għasfur protett.

Lee Grima, 24, ammetta li qatel lil dak li jissejjah Fras-Servjent, bl-Ingliż, “Black-winged Stilt”, fil-Qajjenza limiti ta’ Birżebbuġa għall-ħabta ta’ nofs inhar. Huwa ammetta wkoll li kien qed iġorr arma kkargata fi nħawi fejn il-kaċċa mhijiex permesibbli u li fejn spara jinsab tinsab f’żona ta’ 200 metru minn post fl-abitat.

Huwa ammetta wkoll li kien qed jippratika l-kaċċa fi staġun magħluq. Il-Qorti qieset l-ammissjoni bikrija ta’ Grima, li kkopera mal-Pulizija u li skuża ruħu għall-azzjonijiet tiegħu. Kien meqjus ukoll il-fatt li l-kaċċatur kellu kondotta nadifa.

Dwar Joseph Camilleri, minkejja l-oppożizzjoni mill-Prosekuzzjoni, huwa ngħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000. Għalih deher l-Avukat Joseph Sammut filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jurgen Vella. Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq dan il-qtil u mhux eskluż li jitressqu persuni oħra b’rabta ma’ din il-kaċċa llegali.