Qorti

Każ deċiż wara 17-il sena u li fil-frattemp kellu disat’itfal

Każ li kien ġie differit għas-sentenza 10 snin ilu kien deċiż l-Erbgħa, bil-Qorti tagħti l-libertà lil raġel bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu sikkina mingħajr permess u li kkaġuna ġrieħi gravi.

Il-każ kien ġara u minn dak inhar l’hawn Philip d’Amato kellu disat’itfal.

F’dawn il-proċeduri d’Amato kien mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-persuna ta’ Memdouh Moahmed El Sadani u li kien reċidiv.

Fix-xhieda li ta l-vittma qal li dakinhar li seħħ l-inċident, għall-ħabta tad-9.30am kien qiegħed bi kwietu d-dar tiegħu li tinsab ir-Rabat. Waqt li kien qiegħed fil-kċina, il-vittma beda jisma daqqiet fuq il-bieb ta’ barra u f’ħin minnhom ra l-bieb ta’ barra jinfetaħ.

Wara li ġie sgassat il-bieb, D’Amato daħal għandu u beda miexi fid-direzzjoni tiegħu. Tenna li l-imputat kellu mus f’idu. Il-vittma allega li l-imputat beda jagħtih bil-mus. L-Eġizzjan intlaqat f’sidru, f’wiċċu u f’għonqu. Wara d’Amato ħareħ u l-Eġizzjan waqa’ mal-art.

Ftit tal-ħin wara, mart il-vittma marret id-dar u hekk kif rat lil żewġha mixħut mal-art talbet għall-għajnuna. Qal li huwa kien għamel xogħol tal-madum mal-akkużat. Madankollu xogħlu proprju huwa li jiġbor l-iskart.

Qal li kien ħadem ukoll f’xi proprjetà tal-imputat fil-Buskett u fi proprjetà oħra ta’ ħu l-imputat f’Ħaż Żebbuġ. Qal li meta dan l-aħħar kien qiegħed jagħmel xogħol l-imputat kien ipponta senter lejh u wara li huwa kien mar ikellem lill-imputat, dan ħariġlu arma oħra.

Min-naħa tiegħu, l-akkużat kien qal lill-Pulizija li dakinhar kien mar ikellem lill-vittma għax kellu suspett li martu kellha relazzjoni miegħu. F’dak l-istadju, l-imputat u martu ma kienux għadhom qed jgħixu flimkien.

Skont l-imputat, hekk kif daħal fir-residenza tal-Eġizzjan, dan ġie għalih b’xi ħaġa f’idu, iżda huwa rnexxielu jieħu dik il-ħaġa minn idejh. Wara ssaraw ma’ xulxin u ma kienx jaf x’ġara aktar.

Il-każ kien tħalla għas-sentenza fl-10 ta’ Ottubru tal-2003 mill-Maġistrat Joseph Apap Bologna.

Minn naħa tagħha, l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, li ġiet appuntata fil-kariga ta’ Maġistrat u ħadet xi xogħol li kien assenjat lill-Maġistrat Apap Bologna, kompliet tisma’ l-każ tiegħu.

Fost ix-xhieda li nstemgħu kien hemm bint l-imputat li qalet li hija ġiet imrobbija minn missierha. Madankollu qalet li ma kinitx taf x’sar minn ommha għaliex qatt ma reġġħet iltaqgħet magħha. Qalet li b’kollox illum qegħdin 11 bħala aħwa filwaqt li fi żmien l-aċċident, aħwa kienu biss hi u ħuha.

X’ħin ġiet biex tiddeċiedi l-Qorti ikkonkludiet li kif qal il-vittma, l-imputat daħal fir-residenza tiegħu armat bi strument li jaqta’. Fil-fehma tal-Qorti, l-aċċident seħħ f’tebqa’ t’għajn. Mill-ġrieħi tal-imputat joħroġ li l-vittma pprova jiddefendi lilu nniffsu.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li l-kawża ilha differita għas-sentenza sa mill-10 ta’ Ottubru tal-2003. Il-Qorti qalet li qatt ma tista tiġġustifika xi tip ta’ vjolenza. Filwaqt li kkunsidrat is-serjetà tal-każ, il-Qorti qalet li peress li għadda ħafna żmien, piena effettiva ta’ ħabs mhix idonea.

Il-Qorti qalet li dan id-dewmien mhuwiex tort tal-imputat, anzi ma kellu l-ebda kontroll dwaru. Għaldaqstant il-Qorti kkunsidrat ukoll kif inbidlet il-ħajja tal-imputat minn dak iż-żmien ‘l hawn. Il-Qorti sabitu ħati li kkaġuna ġrieħi serji lill-vittma u li kellu sikkna mingħajr permess u lliberat lill-imputat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin. Għall-imputat deher l-Avukat Joe Gilgio.