Futbol

Kritika qawwija għal Moyes u Ferguson

Partitarji ta’ Manchester United dawru r-rabja tagħhom kollha fuq l-eks manager Sir Alex Ferguson eżatt wara l-partita li fiha United kienu megħluba 3-0 f’darhom mir-rivali Manchester City t-Tlieta.

Bl-istewards impenjati biex jippruvaw iwaqqfu partitarji milli jneħħu l-banner ‘Chosen One’ fi Stretford End – liema banner kienet tpoġġiet wara l-ħatra ta’ David Moyes bħala l-bniedem magħżul minn Ferguson is-sajf li għadda – l-eks manager Ferguson kellu jiffaċċja r-rabja tal-partitarji viċin il-parti riservata għad-diretturi fejn kienu preżenti wkoll il-Viċi-Chairman Eżekuttiv Ed Woodward u d-direttur maniġerjali Richard Arnold.

Partitarju minnhom kien anke fotografat qed jiġi mbiegħed mill-inħawi viċin fejn kien bilqiegħda Moyes wara li deher jagħmel sinjali lill-Iskoċċiż biex jirriżenja.

Ferguson kien anke mgħajjar għall-istat li fih ħalla lit-tim meta rtira kif ukoll bid-deċiżjoni li ħa li jaħtar lil Moyes floku.

Dan kollu wasal biex Moyes issa qed jerġa’ jiffaċċja pressjoni kbira minkejja l-pożizzjoni li għadu jżomm il-klabb li se jibqa’ fil-kariga biex jibni l-iskwadra fis-sajf.

Il-midfielder Marouane Fellaini u Tom Cleverley wkoll kienu fil-mira ta’ kritika qawwija mill-istands bil-leġġendarji Gary Neville u Paul Scholes ikomplu jikkritikaw il-prestazzjoni tat-tim fir-rwol tagħhom bħala kritiċi televiżivi.

Neville, li ħuh Phil hu parti mill-istaff tekniku ta’ Moyes qal li ċ-Champions qed isofru minn kriżi ta’ identita`. “United iridu jerġgħu jaħsbuha fejn sejrin. M’hemmx saħħa u veloċita` meta jattakkaw. Bħalissa għandhom kriżi ta’ identita”

Scholes, li kien mistenni li jinħatar fl-istaff tekniku ta’ United wara t-tluq ta’ Ferguson imma dan qatt ma mmaterjalizza, ukoll ikkundanna lit-tim. “Meta kont nilgħab jien stajna nkunu żewġ gowls jew tlieta minn taħt imma qatt ma ħassejna ruħna mirbuħa. Illum qatt m’għaddieli li stajna nidħlu fil-logħba, lanqas meta konna għadna 1-0. Diffiċli meta jkollok manager ġdid għaliex irid iż-żmien biex jidra l-plejers. Għadu ma jafx liema hu l-aqwa tim imma madankollu l-plejers xejn ma għenuh għaliex mhux qed jagħtu l-prestazzjoni mistennija.”

Minkejja l-kritika ta’ Neville u Scholes, Moyes insista li għandu jkompli jerfa’ r-responsabbilta` għad-disfatta ta’ United. “Nerfa’ r-responsabbilta` tat-tim. Dejjem hekk nagħmel. Illum lgħabna kontra tim tajjeb. Naħseb li l-gowl li qlajna kmieni tefgħana fuq sieq waħda. Ippreparajna tajjeb u għamilna minn kollox biex inkunu lesti għall-isfida imma qatt ma bdejna. Il-gowl kmieni tahom kuraġġ kbir. Ħsibt li kienet se tkun sena diffiċli imma dan hu xogħli u nifhmu. Naf li rridu ftit żmien. Ħsibt li se nkunu ftit aktar kompetittivi. Kienu ħafna l-klabbs li għaddew minn dan u rkupraw. Issa nittama li ma ndumux ma nirkupraw bħalhom,” qal Moyes.