Pep Guardiola faħħar lit-tim tiegħu ta’ Bayern Munich li ssiġġilla r-rebħ tal-kampjonat b’rebħa 3-1 għand Hertha Berlin it-Tlieta u b’hekk il-25 ta’ Marzu saret l-aktar data kmieni li fiha ntrebaħ Kampjonat f’51 sena ta’ storja tal-Bundesliga.
Sa mit-twaqqif tal-Bundesliga fl-istaġun 1963-64, Bayern, li ironikament ma kienx membru oriġinali, kien l-aktar klabb li kiseb suċċess hekk kif dan kien l-24 kampjonat fl-istorja.
Bayern rebħu tliet kampjonati konsekuttivi fi tliet okkażjonijiet. Fil-bidu tas-snin 70, f’nofs is-snin 80 u fil-bidu tal-millennju.
Bla dubju l-aħjar għaxar snin ta’ Bayern kienu fis-snin 80 meta l-klabb rebaħ seba’ kampjonati mill-1979-80 sal-1989-90, inkluż ħamsa f’sitt staġuni li jibdew mill-1984-85.
Tant kien kbir id-dominju ta’ Bayern li jinsabu 235 punt vantaġġ fuq Dortmund b’25 rebħa u żewġ draws u b’differenza ta’ gowls ta’ +66 wara 27 logħba.
“Kuntent li għamilniha. Trofew ieħor għall-klabb hu importanti. Nifraħ lil kulħadd għal dan l-istaġun qawwi. BayM’għandix ħlief kliem ta’ tifħir. Issa niċċelebraw u nieklu flimkien għaliex meta jkollok ftit ċans għandek tgawdih,” qal Guardiola li fl-ewwel staġun tiegħu rebaħ ukoll is-Super Cup tal-UEFA u t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs tal-FIFA.
Il-ġganti Ġermaniżi jinsabu wkoll biċ-ċans li jerġgħu jirbħu ċ-Champions League u jinsabu fis-semifinali tat-Tazza Ġermaniża.
“Grazzi kbira lil-klabb għall-opportunita` li nkun hawn immexxi dawn il-plejers eċċellenti. Illum lgħabna tajjeb għal 30 minuta. Konna dinamiċi u lgħabna sempliċi waqt li wżajna l-pitch kollu. Ikkontrollajna l-logħba imma kultant insejna nattakkaw,” qal Guardiola.
Id-direttur Sportiv Matthias Sammer qal, “L-ewwel nett mertu kbir għall-kowċ u t-tim. Wara s-suċċess li kellna staġun ilu bdejna naħdmu b’determinazzjoni kbira u issa rbaħna t-titlu anke qabel tas-sena l-oħra. Kuntenti. Bħalissa għandna konċentrazzjoni u momentum qawwi. Ħloqna l-pedamenti s-sena l-oħra fuq bażi ta’ plejers b’karattru qawwi. Irranġajna fejn kien hemm bżonn u komplejna niżviluppaw.”
Sadanittant il-kowċ ta’ Borussia Dortmund Jurgen Klopp indika li Bayern Munich jistgħu jibdew jiddominaw il-Bundesliga bħal qatt qabel.
Huwa qal li Bayern kienu “farrku” l-istaġun tal-Bundesliga u b’ton ċajtier qal li t-tim tiegħu irid teleskopju biex jara lit-tim ta’ Pep Guardiola.
“Hu nkredibbli kif farraktu l-Bundesliga għaliex narawkhom imma fil-verita` rridu teleskopju. Dan kien akkwist fantastiku. Nifirħilkom għall-kampjonat,.”
Klopp jemmen li Bayern reġgħu huma konsistenti li jistgħu jissuperaw is-suċċessi tas-snin 80 fil-ġenerazzjoni li kienet tinkludi lil Karl-Heinz Rumenigge, Lothar Matthaus u Klaus Augenthaler.
“Hu impressjonanti. Trid bilfiors tneħħilhom il-kappell għall-konsistenza fil-pitch u l-ħeġġa li jilagħbu,” qal Klopp wara li t-tim tiegħu ġie draw 0-0 kontra Schalke.
//= $special ?>

