Lokali

Persuni jsofru xi feriti wara li kienu nvoluti f’inċidenti separati tat-traffiku

L-għodwa tal-lum kienet karatterizzata minn numru ta’ inċidenti f’żoni differenti madwar il-pajjiż.

Fil-Ħamrun, raġel ta’ 47 sena mill-Ħamrun stess sofra feriti ħfief wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Għall-ħabta tad-9.15am, ir-raġel kien qed isuq il-mutur tiegħu tat-tip Yamaha meta kien involut fl-inċident ma’ vettura tat-tip Citroen misjuqa minn raġel ta’ 47 sena mill-Gżira. Is-sewwieq tal-mutur ittieħed l-Isptar għal aktar kura, filwaqt li r-raġel li kien qed isuq il-karozza ma sofra l-ebda feriti.

Fl-Imġarr, raġel sofra xi feriti wara li ttajjar minn vettura fi Triq iċ-Ċagħaq. Ir-raġel ittieħed l-Isptar għal aktar kura. Għadha mhux magħrufa l-kundizzjoni tiegħu, għalkemm MaltaRightNow.com jinsab infurmat li r-raġel ma jinsabx fil-periklu li jitlef ħajtu.

Fil-Qrendi, dalgħodu anzjan ħelisha ħafif wara li nqaleb bil-karozza fi Triq it-Tempesta. Għall-ħabta tat-8.15am, l-anzjan kien qed isuq il-vettura tiegħu meta għal xi raġuni tilef il-kontroll, ħabat mal-ġenb tat-triq u nqaleb għal fuq ġenb. Ir-raġel inqabad fil-karozza u wara li ngħata l-ewwel għajnuna minn persuni li kienu għaddejjin fit-triq, inħareġ minn membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

[headlines headline=”h3″]Jissokta l-vandaliżmu fuq vetturi fis-Swieqi[/headlines]

Sadanittant, fis-Swieqi, numru ta’ vetturi reġgħu spiċċaw fil-mira ta’ vandaliżmu. L-inċident seħħ matul il-lejl li għadda fi Triq il-Ħemel u hu t-tieni inċident ta’ dan it-tip li seħħ fis-Swieqi fi ftit jiem. Is-Sibt li għadda, numru ta’ residenti fl-istess lokalità sabu t-tyres tal-karozzi tagħhom mifqugħa kawża ta’ vandaliżmu. Dakinhar, il-Kunsill Lokali talab lill-Pulizija għal preżenza aktar qawwija biex ikunu evitati każijiet bħal dawn.