Sport

Serena u Sharapova jiltaqgħu fis-Semifinali

Iċ-Champion renjanti Serena Williams kompliet tersaq qrib is-seba’ titlu tagħha fis-Sony Open f’Miami b’rebħa 6-2, 6-2 fuq il-Ġermaniża Angelique Kerber, rebħa li waslet meta l-faċilitajiet tat-tennis fi Crandon Park kienu maqfula minħabba biżgħa ta’ bomba.

B’din ir-rebħa Williams se tkun qed terġa’ tiltaqa’ kontra r-Russa Maria Sharapova, din id-darba fis-semi-finali wara li l-ħames darbiet runner up f’Miami, ukoll kellha rebħa mpressjonanti 7-5, 6-1 fuq is-seed nru 8 Petra Kvitova.

Waqt li Williams kienet qed tirbaħ kontra s-seed nru 5 Kerber, il-pulizija ta’ Miami kienet qed tagħlaq il-kumpless tat-tennis wara li nstab pakkett suspettuż fid-daħla prinċipali.

Fil-konfronti preċedenti bejn Williams u Sharapova, l-Amerikana tinsab f’vantaġġ assolut meta rebħet 15 minn 17-il konfront bejnithom, inkluż l-aħħar 14 konsekuttivi. Huma ltaqgħu tliet darbiet f’Miami u Williams dejjem ħarġet rebbieħa.

Fost l-irġiel l-Ispanjol Rafa Nadal għeleb lit-Taljan Fabio Fognini 6-2, 6-2 u ngħaqad ma’ Novak Djokovic, Roger Federer u Andy Murray mal-aħħar tmienja.

Eżatt qabel il-logħba ma’ Fognini, Nadal kien mgħarraf li kien hemm suspett ta’ bomba imma l-Ispanjol ma wera l-ebda sinjali ta’ biża jew eċċitament u rebaħ il-logħba fi 62 minuta.
Ir-rivali ta’ Nadal, Federer ukoll kellu kontroll u ħa biss 49 minuta biex elimina lis-seed nru 9 l-Franċiż Richard Gasquet 6-1, 6-2.

Iċ-Champion renjanti Murray ukoll deher komdu hekk kif elimina lin-numru 11 il-Franċiż Jo-Wilfried Tsonga 6-4, 6-1 mingħajr ma kellu break point wieħed u issa jilgħab kontra Djokovic, tliet darbiet rebbieħ f’Miami li għeleb lill-Ispanjol Tommy Robredo 6-3, 7-5.

}ewġ sorpriżi fir-raba’ round waslu mill-Ukren Alexander Dolgopolov u l-Ġappuniż Kei Nishikori li eliminaw lis-seed nru 3 Stanislas Wawrinka u l-Ispanjol David Ferrer rispettivament. Il-Kanadiż Raonic elimina lill-Ġermaniż Becker u l-Amerikan John Isner kien megħlub 6-3, 7-5 miċ-Ċek Tomas Berdych.