Fl-aħħar sigħat, il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications irċeviet numru ta’ telefonati li nies f’inħawi differenti madwar Malta raw tanker kbir tal-LNG. It-tanker deher li seta’ kien dak destinat li jiġi ankrat fil-Bajja ta’ Marsaxlokk bħala parti mill-proġett tal-Power Station il-ġdida tal-gass. Nies li osservaw dan it-tanker enormi fl-ibħra Maltin, qrib sew tal-kosta, ċemplulna mill-Belt, San Ġiljan, Tas-Sliema, Baħar iċ-Ċagħaq u anke mill-inħawi ta’ San Pawl il-Bahar.
Fil-fatt, meta fotografu ta’ MaltaRightNow.com u l-camera ta’ NET News marru fil-post, sabu li ftit ‘il barra mill-kosta tat-tramuntana ta’ Malta kien għaddej tanker tal-gass kbir ħafna li hu simili ferm għal tal-LNG Gemini li issa għandu l-permess tal-MEPA biex jidħol fil-Bajja ta’ Marsaxlokk.
Fil-verità, dak li nnutaw ħafna Maltin hu l-LNG Capricorn, kbir eżatt daqs kemm se jkun dak li se jġib il-Gvern Laburista f’Marsaxlokk. Twil 300 metru, jiġifieri daqs tliet grawnds tal-futbol, it-tanker jiżen daqsu wkoll, 95,000 tunnellata, u bħalu wkoll għandu ħames kontenituri tal-gass LNG abbord. Bhal-LNG Gemini, l-LNG Capricorn ukoll itajjar il-bandiera tal-Gżejjer Marshall u hu wkoll antik daqsu għax inbena fl-istess sena, fl-1978.
Iż-żewġ bastimenti jappartjenu għall-istess familja ta’ vapuri tal-ħażna tal-gass, tant li nbnew fl-istess Tarzna Amerikana. Minn stħarriġ li għamilna jirriżulta li l-LNG Capricorn baħħar lejn Malta minn Ġibiltà, li kien l-aħħar port li kien fih fl-14 ta’ Marzu. Madankollu, għadu mhux magħruf dan x’ġie jagħmel f’Malta.
//= $special ?>

