Qorti

Tnaqqis fil-piena mill-Appell minħabba t-tul ta’ żmien bejn l-offiża u s-sentenza

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Laurence Quintano, naqqset sentenza b’xahrejn, minn sena għal 10 xhur wara li ħadet inkunsiderazzjoni li kien għadda żmien sew bejn l-offiża u l-għoti tas-sentenza. Paul Gauci Borda kien instab ħati li wettaq frodi ta’ madwar €3,400 fil-konfront ta’ erba’ kumpaniji u ndividwu permezz ta’ firem falsifikati.

Fl-2012, Gauci Borda nstab ħati li fl-2006 uża ċekkijiet li ma kienux tiegħu u firem foloz ta’ diversi kumpaniji u persuna. Fuq perjodu ta’ ftit xhur, Borda nstab ħati li ffroda lill-kumpanija Wands Ltd b’valur ta’ €975.54 (Lm418.80), Master Wine Ltd b’valur ta’ €745.33 (Lm319.97), Smart Supermarket b’valur ta’ €909.39 (Lm390.40), Super Master Ltd b’valur ta’ €602.94 (Lm258.84) u ċertu Paul Scerri b’valur ta’ €419.29 (Lm180).

Gauci Borda argumenta li l-ewwel Qorti kienet interpretat ħażin l-evidenza minħabba li l-Prosekuzzjoni ma kinitx ippruvat li hu kien instab ħati mingħajr dubju raġonevoli għax wieħed mix-xhieda ma kienx għarfu. Aktar minnhekk, l-inċident kien seħħ kważi sitt snin qabel ma ngħatat is-sentenza. Il-Qorti tal-Appell qalet li s-sentenza ma tistax tibbaża biss fuq xhud wieħed. “Xhieda oħrajn għarfu lill-akkużat u hu mprobabbli ħafna li l-istess raġel b’koinċidenza ikun darbtejn fl-istess post fejn iċ-ċekkijiet ġew iffalsifikati”, qal l-Imħallef.

L-Imħallef Lawrence Quintano nnota wkoll li Gauci Borda naqas milli jattendi numru ta’ seduti tal-Appell tiegħu stess u darba minnhom il-Qorti kellha toħroġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu. Il-Qorti spjegat li aktar qabel Gauci Borda kien instab ħati ta’ serq, falsifikazzjoni ta’ dokumenti u traffikar ta’ droga. Lura fl-2001, Gauci Borda ma kienx qagħad mal-ordnijiet tal-Qori meta poġġietu taħt probation.

Il-Qorti tal-Appell qalet li l-mod kif ġab ruħu Gauci Borda ma jiġġustifikax bidla fil-kastig. Madankollu, minħabba l-fatt li għadda żmien raġjonevoli bejn id-data tal-inċident u s-sentenza, il-Qorti qalet li se tnaqqas il-piena b’xahrejn.