Qorti

Tnaqqis fil-piena talli għenet lill-Pulizija fl-investigazzjoni

Mara li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti kellha s-sentenza tagħha mnaqqsa bi tliet xhur wara li hija għenet bis-sħiħ lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom. Mill-Qorti tal-Maġistrati hija kienet kundannata sena ħabs, li niżlet għal disa’ xhur fil-Qorti tal-Appell.

F’Novembru li għadda, mara żagħżugħa ammettiet li kellha fil-pusses tagħha b’mod illegali il-Methadone, f’ċirkostanzi li juru li ma kienux għal użu personali tagħha. Kienet ammettiet ukoll li ttraffikat l-eroina u li ppruvat ddaħħal oġġetti kontrollati fil-konfini tal-ħabs.

L-ewwel Qorti kienet ikkundannat lil mara sena ħabs u multa ta’ €2,000. Meta hija kkunsidrat il-fatt li ammettiet mill-ewwel u għenet lill-Pulizija, argumentat li l-piena kienet qawwija wisq.

L-Imħallef David Scicluna qal li l-ewwel Qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-ammissjoni bikrija u li kkoperat mal-Pulizija. L-ewwel Qorti kienet qalet ukoll li kien innutat li l-mara kellha mħabba għamja għas-sieħeb tagħha, u li dan kien irnexxielu jimmanipulha, għal bżonnijiet tiegħu.

Madankollu, meta għadda ż-żmien, il-mara rnexxielha titlaq lill-eks maħbub tagħha, bdiet tindirizza l-problema tagħha, irnexxielha wkoll iżżomm impieg stabbli li kellha, u marret lura tgħix mal-familja tagħha.

Filwaqt li l-Prosekuzzjoni kkwotat l-Artiklu 101 dwar id-Droga, li jfisser ħabs, hija setgħet tibbenefika mit-tnaqqis tal-kastig minħabba wkoll il-kollaborazzjoni estensiva mal-Pulizija minn naħa tagħha.

Kien għalhekk li l-Imħallef David Scicluna iirevoka l-kastig preċedenti u naqqsilha l-piena. Il-Qorti ordnat ukoll ukoll lid-Direttur tal-ħabs biex jiżgura li l-mara tkompli tattendi l-programm ta’ riabilitazzjoni kontra l-vizzju tad-droga.