Ambjent Lokali

Filmat: Mistoqsijiet mhux imwieġba wara l-laqgħa tal-MEPA dwar it-tanker bil-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk

Fil-laqgħa tal-MEPA li saret it-Tnejn li għadda u li matulha kienu approvati l-permessi dwar il-Power Station tal-gass f’Delimara, li jinkludu ħażna ta’ gass LNG abbord tanker antik fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, kien konfermat li ma sar l-ebda studju dwar l-impatt marittimu.

Il-membru tal-Bord tal-MEPA u rappreżentant tar-Ramblers’ Assocation Alex Vella staqsa f’isem l-għaqdiet ambjentali x’jiġri jekk ikun hemm problema fil-maritime impact assessment li se jsir wara li jkun inħareġ il-permess tal-MEPA għall-proġett. Hu qal li mhux konvint li bl-ispazju li hemm fil-port se jkun hemm spazju biżżejjed. Staqsa wkoll għaliex ma sarx studju dwar il-possibbiltà li t-tanker bil-ħażna tal-gass isir barra l-Port.

Matul il-laqgħa saru wkoll mistoqsijiet mill-konsulent tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, l-Inġinier Arthur Ciantar, dwar is-saħħa u s-sigurtà tan-nies u tal-istess Power Station.

Anke l-konsulent tal-Kunsill Lokali ta’ Birzebbuga, il-Perit Carmel Cacopardo, ikkritika l-fatt li l-applikazzjoni kienet se tiġi deċiża bla ma sar studju dwar l-impatt marittimu. Cacopardo qal li bit-tanker bil-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, ir-riskju għar-residenti taż-żona hu ferm akbar milli kieku t-tanker jitpoġġa barra.

Dan juri li għalkemm għad hemm ħafna studji li kellhom isiru u ma sarux, jew saru biss rapporti preliminari, u għalkemm għad hemm ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba, il-maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-MEPA approvaw il-permessi b’detriment għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti taż-żona u tal-Power Station stess.