Il-Ministru tal-Finanzi tal-gvern Laburista, Edward Scicluna, se jispiċċa wara effettivament sena fil-kariga u wara li jkun ressaq budget wieħed biss tiegħu. Dan qed jirriżulta mill-kampanja li qed jagħmel il-gvern bħalissa jitma’ lill-gazzetti biċċiet ta’ informazzjoni li, kif qalet id-Deputata Laburista Marlene Farrugia stess, ma jġibu xejn għajr inċertezza fil-ministeri, u wieħed irid iżid, inċertezza fil-pajjiż.
Prim Ministru li jiżra’ l-inċertezza hu stess
Tant jidher ferħan bil-poter li għandu Joseph Muscat, li mhux biss qed jimla l-istituzzjonijiet tal-pajjiż b’ħatriet biex jagħmel kull istituzzjoni pupazz tiegħu, flok isservi lilna lkoll, imma wkoll qed jieħu gost jara lill-ministri tiegħu stess bla direzzjoni.
Edward Scicluna se jaqla’ ‘daqqa ta’ sieq ‘il fuq’
L-aħħar aħbar ġejja minn ħdan il-gvern stess dehret fil-MaltaToday tal-Ħadd li rrappurtat kif kelliema li hu ċar li huma qrib il-Prim Ministru – għax hu Muscat li se jagħmilha r-reshuffle – qalu lill-MaltaToday li Muscat se jagħti daqqa ta’ sieq ‘il fuq – kif jgħidu l-Ingliżi – lil Edward Scicluna u jeħles minnu billi jagħtih kariga ogħla.
Żgur li ma jopponix paga lussuża sakemm ikollu 73 sena
Bħal ta’ Marie Louise Coleiro Preca din, ħlief li Edward Scicluna mhux se jopponi għax kien ammetta li, wara li għamel snin jaqla’ mal-150,000 ewro fis-sena, meta sar ministru ħassu ‘insultat’ – kliemu dan – bis-salarju miżeru ta’ ministru. Issa żgur ikun kuntent bis-salarju ta’ Kummissarju Ewropew sal-età venerabbli ta’ 73 sena f’sinjal ieħor ta’ politiċi suppost Soċjalisti Tagħna Lkoll li evidentement daħlu fil-politika biex jaħtfu.
‘Skorfina maħlula’ fil-gvern, ‘ma jafx x’inhu għaddej’, ‘il-ministru mhux Scicluna’
U trid tisma’ kif dawk qrib Muscat imaqdru ministru li Muscat kien qalilna li kien il-fus tal-aqwa team ekonomiku li qatt rat Malta. ‘Skorfina maħlula’ fil-gvern – iddeskrivewh. ‘Mhux prattiku u ma jafx x’inhu għaddej fil-ministeru tiegħu stess’ – hekk qalu lill-MaltaToday dawk qrib Muscat. U jiċċajtaw li ‘l-Ministru mhuwiex Edward Scicluna imma s-Segretarju Permanenti’ tal-ministeru.
Budget wieħed ta’ Ministru tal-Finanzi bħall-1996 u l-1981
X’tip ta’ team ekonomiku għandu Muscat jidher mill-qgħad li f’Malta qed jiżdied waqt li fl-Ewropa qed jonqos. U tgħid xi ħaġa din fuq il-gvern li, flok iċ-ċertezza u l-istabilità ekonomika ta’ ħames budgets mill-istess ministru, qed jeħles minn ministru li għamel budget wieħed biss, eżatt bħall-gvernijiet ta’ Alfred Sant u ta’ Dom Mintoff fl-1996 u fl-1981 li t-tnejn bdew b’budget ta’ ministru li telaq jew tneħħa eżatt wara.
Muscat ma jistax ifarfar ir-responsabbiltà għall-qgħad li tiela’
U hawn hu fejn jidħol Joseph Muscat innifsu. Għax hi ċara l-logħba li qed jilgħab il-gvern tiegħu: nies qrib il-poter jitimgħu lill-gazzetti aħbarijiet kontra l-ministri, u mhux kontra Edward Scicluna biss, biex Muscat ifarfar mir-responsabbiltà, f’dal-każ ta’ ekonomija li qed tbati kummerċ anqas u, speċjalment, qgħad aktar. Dan hu x’joħroġ miċ-ċifri tal-gvern stess dwar il-kummerċ u l-qgħad, li hu f’kuntrast max-xejra fl-Ewropa u fid-dinja u li Muscat ma jista’ jfarfar ir-responsabbiltà tiegħu fuq ħadd.