Lokali

Il-Gvern m’għandux mandat jagħmel ħażna ta’ gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk

Fil-programm Dissett fuq l-istazjon nazzjonali, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil fakkar li l-Gvern m’għandux mandat biex jagħmel ħazna tal-gass f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk filwaqt li sostna li b’it-tanker tal-LNG, il-Gvern se jkun qed jirdoppja ir-riskju minn dak li wiegħed qabel l-elezzjoni.

Simon Busuttil irrisponda għall-mistoqsijiet ta’ Reno Bugeja dwar diversi temi kontroversjali filwaqt li saħaq li l-Oppozizzjoni qed taħdem biex tisma’ lin-nies u tkun il-vuċi tal-poplu Malti.

Għall-mistoqsijiet tal-preżentatur dwar il-proġett tal-power station, Simon Busuttil qal li l-Gvern għandu mandat biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl u mandat biex jibni power station li taħdem bil-gass, iżda ma għandux mandat biex iżomm bastiment b’ħażna ta’ gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Jekk sfortuntament  isseħħ diżgrazzja ma jintlaqtux in-nies ta’ Marsalokk u Birżebbuġa biss. Jistgħu jintlaqtu lokalitajiet oħra. Iżda jekk issir ħsara fil-power station jintlaqat il-pajjiż kollu. Ma għandux jittieħed ir-riskju la hemm possibbiltajiet oħra.

Illum ir-riskji huma akbar minn ħażna 60,000 metru kubu li l-Partit Laburista kien semma qabel l-elezzjoni. Issa l-Gvern qed jitkellem fuq ħażna ta’ 140,000 metru kubu maħżuna fuq vapur u mhux tankijiet fuq l-art. Hemm il-periklu ta’ maltemp. Għal tnax-il darba fis-sena se jkun hemm vapur ieħor biex jagħti l-provvista tal-gass lill-vapur tal-ħażna. Kien hemm diversi ta’ esperti.

Ir-rapport ta’ Pasman sar minn persuna indipendenti. Ir-rapport ta’ Papadakis sar għall-Gvern. Fir-rapport tiegħu dan qal li ma hemmx periklu sakemm ma jkunx hemm sors ta’ fjamma. Simon Busuttil qal li l-Gverm, minflok naqqas ir-riskju irduppjah.

Meta rrefera għall-prezzijiet tal-elettriku, il-Kap Nazzjonalista qal li hemm possibbilta li l-elettriku jinxtara mill-interconnector b’nofs il-prezz li l-Gvern qed jintrabat li jixtrih mill-power station il-ġdida.
Mistoqsi dwar it-tankijiet tal-gass fil-Qajjenza, Simon Busuttil qal li Gvern Nazzjonalista għaraf il-periklu ta’ dawn it-tankijiet bid-djar mibnija madwarhom. Għalhekk intrabat li jneħħihom u sar it-trasferiment lejn Bengħajsa. Hu fakkar kif kienu gvernijiet Laburisti li bnew id-djar madwar it-tankijiet tal-gass fil-Qajjenza. Iżda l-Gvern Nazzjonalista neħħa l-periklu.

Għal domandi dwar il-possibbilta’ li l-Parlament Ewropew jiddiskuti l-kwistjoni tal-ħażna tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk, Simon Busuttil qal li l-Parlament hu l-Parlament tal-poplu Malti u meta ppreżentaw petizzjoni, iċ-ċittadini eżerċitaw dritt li għandhom. Simon Busuttil qal li l-UE hi tarka iżda mhix se tiddefendina minna nfusna jew minn Gvern ħażin.

Dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza, Simon busuttil qal li l-Oppożizzjoni għandha dubji serji dwar kemm il-Gvern se jonora l-ftehim li ntlaħaq mal-UE. Il-Gvern la fil-liġi u jidher li lanqas fil-prattika mhu se jassigura li dak il-ftehim ikun onorat. Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni kitbet lill-Gvern u pproponiet numru ta’ emendi biex ikunu jirriflettu b’mod ċar dak il-ftehim.

L-Oppożizzjoni tistenna li kulmin jingħata passaport ikun ressaq prova li għex f’Malta għal 12-il xahar. Il-Kap Nazzjonalista qal li bħala membru tal-Bord ta’ moniteraġġ se jara xi provi se jitressqu minn min japplika. Hu se jkun jista’ jgħid min applika, kemm applikaw u xi provi ressqu dwar residenza.

Simon Busuttil qal li l-preferenza tal-Oppożizzjoni kienet għal ħames snin. Il-Gvern innegozja u kellu jinkludi sena residenza meta lanqas ġurnata waħda ma ried. L-Oppożizzjoni ma opponietx biss iżda ressqet emendi. Il-liġi tbiddlet diversi drabi u fost affarijiet oħra tneħħiet is-segretezza. Iżda anke hawn il-Gvern qed jipprova jinganna. Simon Busuttil qal li se juża l-pożizzjoni tiegħu biex jippubblika l-lista ta’ min xtara ċ-ċittadinanza.

Għal mistoqsi dwar għotjiet ta’ kuntratti, Simon Busuttil qal dawn jingħataw jew b’kompetizzjoni jew b’kompetenza. Hu ċċara li l-unika darba li ditta li kien jaħdem magħha hu ħadet direct order minħabba kompetenza kien meta twaqqfet ċentru ta’ informazzjoni dwar l-UE.
Simon Busuttil qal li llum il-Gvern qed iqajjem skandlu dwar xi ħaġa li seħħewt 15-il sena ilu għaliex jinsab dahru mal-ħajt meta jiġi rinfaċċjat bi kritika dwar nuqqas ta’ meritokrazija u l-għajta ta’ Malta tagħna lkoll.
Il-Kap Nazzjonalista qal li hu skandlu li l-Prim Ministru ħallas lilu nnifsu 7,000 ewro fis-sena biex juża l-karrozza tiegħu stess. Simon Busuttil qal li hu ġie offrut l-istess possibbilta iżda rrifjuta għaliex iħoss li hu ħażin li jaċċetta.

Simon Busuttil qal li meta jara x’daħħal hu f’dawn l-aħħar tliet snin isib li daħħal inqas mill-paga minima u inqas minn dak li jieħu l-Prim Ministru għall-karrozza tiegħu.

Għal aktar domandi dwar l-akkużi li qed isiru fil-konfront tiegħu dwar għoti ta’ kuntratti Simon Busuttil qal li ingħatat l-impressjoni li hu  għamel xi ħaġa ħażina. Iżda meta sfida lill-Prim Ministru biex imur għand il-Kummissarju tal-Pulizija ħalli jinvestiga, qal li m’hu jsir xejn illegali. Għal domanda diretta ta’ Reno Bugeja, Simon Busuttil ċaħad li ż-żjara tiegħu fl-Awstralja kienet finanzjata minn persuna nvoluta fil-korruzzjoni. Dik iż-żjara kienet finanzjata mill-Għaqda Dinjija dwar id-Diabete.

Il-Kap Nazzjonalista qal li filwaqt li kien hemm diskussjoni fl-organi tal-PN dwar il-ħatra ta’ Marie Louise Coleiro Preca bħala President, kien hemm qbil unanimu biex l-Oppożizzjoni tivvota favur. Dan juri b’messaġġ ċar li l-Oppożizzjoni hi serja u kostruttiva. Hu qal li anke jekk il-Prim Ministru ma mexiex b’mod korrett għaliex la kkonsultah u lanqas informah, hu jittama li l-President tkun verament President tal-poplu kollu li ġġib l-għaqda.