Lokali

Il-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd tappella li jsir breakwater

Il-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd appellat biex issa li nħareġ il-permess għat-tanker tal-LNG fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, il-Gvern jikkunsidra li jsir breakwater in-naħa ta’ Delimara. B’hekk, tgħid stqarrija tal-Koperattiva, jiġi eliminat xi inċident f’każ ta’ maltemp qawwi jew forzi oħra tan-natura. Din id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd u t-talba biex il-Gvern jikkunsidra din il-proposta ġiet iffirmata kemm mill-President tal-Koperattiva Marco Carabott kif ukoll mis-Segretarju Raymond Bugeja.

Talba simili kienet saret fi Frar mill-Kaptan stess tal-vapur li fuqu se tinżamm il-ħażna tal-gass LNG, li kien esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sigurtà tal-vapur f’każ ta’ maltemp. Skont rapport f’The Malta Independent tal-15 ta’ Frar, jirriżulta li l-Kaptan ingħata studji dwar il-kundizzjonijiet tal-mewġ u fatturi oħra li jaffettwaw il-Port u li ma tantx ikkonvinċewh. Ir-rapport kien jgħid li minħabba dan, il-Kaptan talab li jinbena breakwater biex jilqa’ għall-mewġ u jżid is-sigurtà. Din it-talba ġiet rifjutata minħabba l-ħin u l-ispejjeż li jkunu meħtieġa biex issir u l-biża’ tal-Gvern li biex jibni dan il-breakwater, il-proġett tal-Power Station ma jitlestiex fil-ħin li stipula hu stess.

Ftit sigħat wara li ħarġet l-istqarrija tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, il-Gvern ħareġ stqarrija li fiha ħabbar li qed issir ħidma ħalli jinġiebu fondi mill-Unjoni Ewropea biex jinbena breakwater ġdid. Fl-istess ħin qal li x-xogħol fuq dan il-proġett diġà beda.

Fl-20 ta’ Marzu li għadda, is-Segretarju tal-Koperattiva Ray Bugeja ressaq Ittra Uffiċjali fil-Qorti fejn, f’isem ir-residenti tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, talab lill-MEPA tipposponi d-deċiżjoni dwar il-ħruġ tal-permess ta’ dan il-proġett. Ray Bugeja qal li ppreżenta din l-ittra għax għadu ma sarx studju dwar l-impatt marittimu, għax l-espert tal-OHSA ma weġibx għall-mistoqsijiet tekniċi kollha, kif ukoll ghax il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qed jinjora x-xewqa tax-Xlukkajri li ma jridux it-tanker f’nofs il-Bajja.