Il-kustodja tajba tal-fondi pubbliċi u amministrazzjoni effettiva jeħtieġu kontabbiltà u awditjar. Dan sostnieh il-Membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Louis Galea, meta ndirizza lill-Awdituri Ġenerali tal-Commonwealth, li qed jiltaqgħu f’konferenza f’pajjiżna. Il-Konferenza tal-Awdituri Ġenerali tal-pajjiżi tal-Commonwealth, li riesqa lejn it-tmiem tagħha, qed tiddiskuti t-tema tal-indipendenza tal-awdituri pubbliċi u r-rappurtaġġ effettiv tal-ħidma tagħhom bħala kontribut favur l-iggvernar tajjeb tal-pajjiżi. Il-Konferenza hi ospitata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta’ Malta.
Louis Galea qal li verifika pubblika ndipendenti hi essenzjali għal tmexxija tajba ta’ pajjiż u din tagħmel differenza għall-aħjar fil-ħajja taċ-ċittadini. L-awdituri pubbliċi għandhom sehem ewlieni biex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet. Hu sostna li arranġamenti effettivi u ndipendenti ta’ awditjar pubbliku huma prekundizzjoni għal kontabbiltà, iggvernar tajjeb, leġittimità tal-istituzzjonijiet u fiduċja taċ-ċittadini f’dawn l-istituzzjonijiet. Tkellem dwar il-prinċipji li jenfazizzaw l-istandards internazzjonali f’dan il-qasam biex pajjiż ikun iggvernat tajjeb.
Louis Galea qal li l-iskrutinju demokratiku tad-decizjonijiet u l-operat fin-nefqa tat-taxxi tal-poplu hi waħda mill-kwistjonijiet l-aktar importanti fl-Unjoni Ewropea. L-istituzzjonijiet tal-awdituri pubbliċi huma mistennija li jaħdmu għat-tisħiħ tal-kontabblità, it-trasparenza u l-integrità tal-Gvern u tal-entitajiet pubbliċi, b’mod li jkunu rilevanti għaċ-ċittadini, il-Parlamenti u s-soċjetà ċivili, filwaqt li huma stess ikunu organizzazzjonijiet mudell biex ikunu eżempju għal ħaddieħor fir-rigward ta’ ggvernar tajjeb.
//= $special ?>
