Lokali

Il-MEPA tapprova estensjoni oħra għall-użu tal-HFO

B’għaxar voti favur u wieħed kontra, il-bord tal-MEPA, approva l-permess biex l-Power Station ta’ Delimara tibqa’ titħaddem bil-Heavy Fuel Oil sas-6 ta Diċembru 2015.  It-talba mill-Gvern permezz tal-Enemalta kienet biex l-uzu tal-HFO jigi estiż għal aktar minn sena oħra. Wara li l-permess kien diġa’ ġie estiż darba – sa Marzu ta’ din is-sena.

Ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-Bord tal-MEPA Ryan Callus ivvota kontra dan il-permess wara li spjega li qed jagħmel dan għax suppost kien hemm impenn  mill-Partit Laburista li l-Enemalta taqleb immedjament għal gas oil.

Qabel l-elezzjoni ġenerali, l-Partit Laburista kien għamel kampanja sħiħa kontra l-użu tal-Heavy Fuel Oil. Saħansitra fuq il-programm Xarabank, Leo Brincat, llum Ministru tal-Ambjent kien ħa flixkun bil-Heavy Fuel Oil biex jikonvinci li l-HFO  kien ta periklu għas-saħħa tan-nies.

Fis-seduta tal-Bord tal-MEPA tal-Hamis ir- rappreżentant tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ambjentali tal-MEPA rrefera għall-Istudju mill- University of West England li sab li ma hemm ebda evidenza li l-Power Station ta’ Delimara qed tikkontribwixxi b’xi mod ghal tniggis tal-arja f’Marsaxlokk u Birzebbugia.

Dan minkejja li qabel l-Elezzjoni Generali, u anke wara, il-Partit Laburista baqa’ jiddeskrivi l-Power Station bħala fabbrika tal-kancer.  B’Ryan Callus jistaqsi jekk l-Enemalta kellhiex studju dwar ir-relazzjoni tal-heavy fuel oil bhala kawza tal-kancer. Ir-rappreżentant tal-Enemalta qal li l-konsulent tal-Korporazzjoni li ppreżenta rapport it-Tnejn li għadda, meta ġie approvat il-permess għall-power station li se tinkludi ħazna tal-gass f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk ma kienx jinkudi relazzjoni bejn l-użu tal-Heavy Fuel Oil u l-kancer.

Fil-laqgħa tal-Ħamis kien konfermat ukoll li l-Power Station li qed taħdem bil-Heavy Fuel Oil mhix qed taqbeż livelli ta’ tniġġis stabbiliti mill-Unjoni Ewropea.