Lokali

Il-President b’laqgħat mal-pubbliku

Il-President ta’ Malta George Abela se jkun qed jiltaqa’ u jsellem lill-pubbliku s-Sibt u l-Ħadd li ġejjin bħala turija ta’ apprezzament qabel ma jtemm il-Presidenza. Hu se jkun qed jiffirma wkoll il-kotba “George Abela, Qalb in-Nies”.

Is-Sibt, il-President Abela se jkun qed jilqa’ lill-pubbliku bejn l-10am u 12pm fil-Palazz ta’ San Anton. Dawk preżenti jkollhom l-opportunità wkoll li jduru u jgawdu s-swali tal-Palazz. Wara nofsinhar, imbagħad, il-President Abela jitla’ Għawdex u bejn l-4.30pm u s-7pm jiltaqa’ mal-Għawdxin fil-Banca Giuratale, fir-Rabat.

Il-Ħadd li ġej, il-President se jkun qed jilqa’ lill-pubbliku fil-Palazz Verdala bejn l-10am u s-6pm. Dawk li jattendu jistgħu jgawdu l-iSculpture Garden, li ġie inawgurat dan ix-xahar, kif ukoll iżur il-Palazz Verdala li se jkun miftuħ għall-pubbliku.

Il-ktieb “George Abela, Qalb in-Nies” jista’ jiġi ordnat minn qabel, b’offerta ta’ qabel il-pubblikazzjoni, minn fuq www.kitegroup.com.mt jew mill-Palazz ta’ San Anton, mill-Palazz Verdala u l-Banca Giuratale waqt li l-President jiltaqa’ mal-pubbliku.

Il-President żar lill-ħaddiema ta’ PrintIt, fejn bħalissa għaddej il-proċess tal-istampar tal-ktieb li jkun lest fi tmiem din il-ġimgħa.