Lokali

Ir-Requiem ta’ Duruflé

Il-kelma ‘Requiem’ tfakkarna mill-ewwel fil-Quddiesa li ssir b’suffraġju tal-erwieħ.  Fil-fatt, din il-kelma ġejja mill-Introjtu tal-Liturġija Requiem aeternam dona eis Domine  – Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.
Għal bosta sekli, it-test tar-Requiem kien jitkanta fuq melodiji Gregorjani imma qrib nofs is-seklu ħmistax, il-kompożituri bdew jesplojtaw dan il-kant sabiex joħolqu arranġamenti mużikali ġodda.  Jeżistu fil-fatt mill-inqas madwar 2000 kompożizzjoni tar-Requiem.  Xi wħud minnhom inkitbu għal korijiet a cappella filwaqt li oħrajn jinkludu l-orgni jew l-orkestra.  Jeżistu diversi li jinkludu ukoll xi movimenti miktuba għal solisti.

Ir-Requiem ta’ Duruflé tinkludi fiha disa’ movimenti u din kienet lesta minn kollox f’Settembru 1947.  Hija meqjusa kapulavur korali tas-seklu għoxrin.  Kienet ikkummissjonata mill-pubblikatur mużikali Durand u huwa maħsbub li nkitbet bħala tifkira ta’ missier Duruflé.  Il-biċċa xogħol hija għal kor SATB.  Xi solisti għandhom sehem importanti.  Il-‘Pie Jesu’ titkanta minn mezzo-sopran u baritonu jintervjenti fit-tielet moviment ‘Domine Jesu Christe’ kif ukoll fis-silta ta’ qabel tal-aħħar ‘Libera Me’.  Jeżistu orkestrazzjonijiet għall-orgni biss jew għal orgni strumenti tal-korda, trumbetti, arpa u timpani.

Duruflé kien milqut ferm mill-kant Gregorjan u għalhekk inkorporah f’din il-kompożizzjoni.  Preċiżament, ħa temi mill-Qudiesa tal-mejtin ‘Missa Pro Defunctis’.  Madankollu, fil-perijodu Rinaxximentali, Tomas Luis de la Victoria kien l-ewlieni li uża t-tema Gregorjana fl-‘Officium Defunctorum’ għal sitt vuċijiet.  Duruflé inkluda partijiet oħra li ma nsibuhom fir-Requiem ta’ Victoria.

Matul ix-xahar li ġej, dan ix-xogħol se jinstemgħa f’Malta għall-ewwel darba mill-Schola Cantorum Jubilate flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Mro Christopher Muscat.  L-organista Simone Vebber li jgawdi reputazzjoni internazzjonali se jakkumpanja l-kor.  Il-partijiet tas-solo huma assenjati lill-mezz-sopran Marvic Monreal u l-baxx Albert Buttigieg.  Mro Mark Gauci kien responsabbli mit-tagħlim tal-partijiet korali.

Minbarra r-Requiem ta’ Duruflé, il-kunċert se jinkludi motetti oħra interpretati a cappella mill-kor u s-‘Sinfonia al Santo Sepulcro’ ta’ Vivaldi esegwita mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.

Ir-Requiem se titgħella nhar il-Ġimgħa 4 u s-Sibt 5 ta’ April fis-Sala Robert Samut tal-Furjana.  Imbagħad is-Sibt 6 ta’ April se titgħella fil-Bażilika Santwarju Marija Bambina tax-Xagħra.  Filwaqt li d-dħul fis-serati li se jittgħellu f’Malta huwa bil-biljetti, id-dħul tas-serata f’Għawdex huwa bla ħlas.

Mingħajr dubju, din se tkun produzzjoni oħra li fiha se tispikka l-arti mużikali li hija mhux biss tant popolari mal-udjenzi tagħna imma anki tarrikixxi x-xena mużikali lokali u tradizzjonali ta’ pajjiżna.