Lokali Parlament

Is-Seduta Parlamentari tat-Tlieta l-aħħar waħda ta’ Coleiro Preca bħala MP

Is-seduta Parlamentari tat-Tlieta li ġej se tkun l-ahhar waħda għall-Ministru Marie Louise Coleiro Preca, hekk kif dakinhar se tippreżenta r-riżenja tagħha minn membru tal-Kamra tad-Deputati biex tinħatar President. Dakinhar, Coleiro Preca se tagħmel l-aħħar diskors tagħha fil-Parlament bħala Deputat u hekk kif tippreżenta r-riżenja tagħha lill-iSpeaker, toħroġ għall-aħħar darba mill-Kamra tar-Rappreżentanti.

Skont ftehim milħuq fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra, dan se jsir dritt wara l-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari, jiġifieri għall-ħabta tas-6.30pm. Wara li l-iSpeaker jaqra l-ittra tar-riżenja, imbagħad se titressaq Mozzjoni ta’ ringrazzjament lil George Abela għas-servizz li ta lir-Repubblika bħala President.

Wara titressaq il-Mozzjoni li permezz tagħha, Marie Louise Coleiro Preca tinħatar id-disa’ President ta’ Malta. Fuq dawn iż-żewġ Mozzjonijiet jittieħed vot mid-Deputati u, kif diġà hu magħruf, iż-żewġ naħat tal-Kamra mistennija jkunu unanimi fl-approvazzjoni tagħhom. Hekk kif jagħlaq id-Dibattitu dwar din il-Mozzjoni, il-Kamra tiġi aġġornata mill-ewwel għall-għada l-Erbgha.

Il-ġimgħa d-dieħla, il-Parlament se jerġa’ jiltaqa’ l-Ġimgħa, 4 ta’ April f’seduta speċjali għall-għoti tal-ġurament tal-ħatra ta’ Marie Louise Coleiro Preca bħala President.

[headlines headline=”h3″]L-ewwel inkarigu ta’ Coleiro Preca bħala President[/headlines]

Jidher li l-ewwel inkarigu li se jkollha Coleiro Preca se jkun dak li tiffirma l-Liġi ġdida tal-Unjoni Ċivili, li ilha li ġiet approvata mill-Parlament ħames ġimgħat. Skont il-ġurnal The Times of Malta, ir-raġuni għal dan id-dewmien hi l-oġġezzjoni tal-President attwali George Abela li jiffirma dan l-Abbozz.

Skont The Times, il-President Abela nforma lill-Prim Ministru li għal raġunijiet morali mhux f’pożizzjoni li jiffirma l-Liġi jekk titressaq quddiemu. Għalhekk, il-Gvern ma kellux triq oħra ħlief li jistenna li jintemm il-mandat ta’ Abela fl-4 ta’ April. Min-naha tagħha, Marie Louise Coleiro Preca, li kienet opponiet b’qawwa d-dħul tad-divorzju, diġà ddikjarat li hi ma ssib l-ebda problema li tiffirma l-Abbozz ta’ Liġi għax din kienet wegħda elettorali li l-Partit Laburista għamel qabel l-elezzjoni li għaddiet.

[headlines headline=”h3″]Stennija għar-reshuffle fil-Kabinett Laburista[/headlines]

Bl-aġenda ssettjata għall-proċedura tar-riżenja ta’ Coleiro Preca biex issir President, jidher li issa kollox lest biex il-Prim Ministru Muscat jagħmel ir-reshuffle fil-Kabinett. Jidher li hu mminenti li Muscat iħabbar dan it-tibdil, hekk kif fl-aħħar jiem u sigħat kien hemm ċaqliq kbir f’diversi Ministeri u Segretarjati Parlamentari tal-Gvern. Hu fatt magħruf li għadd ta’ membri tal-Kabinett ma tħallewx isiefru jew saħanistra ħassru safar li kellhom ippjanat minħabba li r-reshuffle kien mistenni jitħabbar minn jum għal ieħor.

Hu mistenni li numru ta’ Ministri jitilfu posthom u oħrajn jinbidlilhom il-portafoll, filwaqt li Segretarji Parlamentari jiġu promossi.