Is-settur tas-servizzi finanzjarji jibqa’ s-settur li joħloq l-aktar impjiegi fil-pajjiż. Dan is-settur kien żviluppat fl-aħħar snin u qed ikompli jirriżulta kemm hu vitali għall-ekonomija Maltija. Din il-konferma ngħatat f’konferenza tal-aħbarjiet mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li tkellem dwar l-ewwel sena ta’ Gvern Laburista fl-ekonomija. Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Finanzi għażel li ma jikkummentax dwar ir-rapporti li hu se jitneħħa minn Ministru tal-Finanzi biex jitpoġġa Kummissarju Malti fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Scicluna qal li l-Gvern irnexxielu jdawwar ir-rota ekonomika tal-pajjiż, tant li fl-aħħar sena kien hawn żieda ta’ 5,000 impjieg full-time, fejn jirriżulta li 3,500 impjieg inħolqu fis-settur privat u 1,400 inħolqu fis-settur pubbliku. Is-settur li fih inħolqu t-3,500 impjieg kien dak tas-servizzi għax fil-fatt is-settur tal-produzzjoni diretta rreġistra tnaqqis ta’ 200 impjieg. Dwar il-qgħad, Scicluna kkonferma li dan illum jinsab fil-livell ta’ 6.4%, iżda qal li dan hu konformi ma’ dak li stabbiliet il-Kummissjoni Ewropea. Għall-Ministru Scicluna, l-ekonomija bħalissa qed jirnexxielha toħloq biżżejjed impjiegi.
Bħala raġunijiet għal din is-sitwazzjoni, il-Ministru Scicluna semma’ li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista sema’ lil kulħadd, li ma sarx baġit ġdid, li ddaħħlet l-istabbiltà politika u ekonomika, il-pjan għall-energija u l-mod kif qed jitmexxa l-Ministeru tiegħu. Qal li llum dan il-Ministeru jinsab f’sitwazzjoni li jikkoreġi ċerti żbalji li jsiru mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-aspett ekonomiku f’Malta. Edward Scicluna kkummenta li l-ftehim maċ-Ċina dwar l-enerġija u l-impjant tal-Power Station tal-gass ħallew effett psikoloġiku tajjeb anke mal-barranin.
Skont il-Ministru Scicluna, ix-xejriet ekonomiċi issa huma pożittivi anke skont l-analiżi ta’ entitajiet monetarji internazzjonali. Hu qal li s-sena l-oħra t-tkabbir ekonomiku kien erba’ darbiet dak ta’ bejn l-2010 u l-2012. Sadanittant, ħabbar ukoll li se titwaqqaf taqsima ġdida biex tirregola każi li fihom tinħafer it-taxxa biex ma jkunx hemm inġustizzji.
//= $special ?>
