Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) qed jorganizza sensiela ta’ laqgħat mal-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Ilbieraħ filgħaxija saret it-tieni minn tliet laqgħat, bit-tema “Niltaqghu mal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-MEPs”, li matulhom l-MNPN qed jiltaqa’ mal-kandidati kollha. Fil-laqgha tal-bieraħ filgħaxija fid-Dar Ċentrali ħadu sehem il-kandidati Kevin Plumpton, Stefano Mallia, Roberta Metsola u Ray Bugeja.
Kevin Plumpton tkellem dwar il-ħidma tiegħu fost iż-żgħażagħ permezz ta’ għaqdiet ta’ volontarjat li ilu nvolut fihom. Hu għaraf li jista’ jwessa’ l-ħidma tiegħu għal waħda politika u kien propju l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi li wasslu jifhem is-servizz li jista’ jagħti mill-politika. Plumpton spjega li jekk jiġi elett, iż-żewġ issues prinċipali li jixtieq jaħdem fuqhom huma ż-żgħażagħ u r-rwol tal-anzjani fis-soċjetà tagħna.
Min-naħa tiegħu, Stefano Mallia tkellem dwar il-ħidma tiegħu fl-istituzzjonijiet Ewropej u l-esperjenza fuq livell lokali u Ewropew li wasslitu biex jiddeċiedi li jikkontribwixxi fil-qasam politiku. B’hekk ikun ta’ servizz għall-pajjiż kollu. Kompla li jekk jiġi elett jixtieq jaħdem fl-oqsma tal-ekonomija, l-agrikoltura, l-impjiegi għall-persuni b’diżabbiltà u għarfien akbar dwar numru ta’ kundizzjonijiet mediċi.
Roberta Metsola tkellmet dwar ix-xogħol tagħha bħala MEP, fejn ħadmet f’żewġ Kumitati. Spjegat li kien hemm okkażjonijiet fejn l-MEPs Maltin ingħaqdu flimkien għall-ġid ta’ pajjiżna, iżda f’okkażjonijiet oħra, bħall-vot kontra l-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija, kienu hi u David Casa biss li ddefendew l-interessi ta’ Malta. Hi fissret l-importanza li l-poplu jeleġġi t-tielet rappreżentant mill-Partit Nazzjonalista biex ikun hemm bilanċ bejn il-partiti politiċi Maltin u flimkien mal-membri l-oħra tal-PPE niddefendu l-valuri li nemmnu fihom.
Min-naħa l-oħra, Ray Bugeja tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u l-ekonomija. Spjega li għal snin twal għex ir-realtà Ewropea, ferm qabel Malta saret parti mill-Unjoni Ewopea. Tkellem ukoll dwar id-differenza li hemm bejn kif iħarsu lejn l-Ewropa il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista. Fuq naħa ssib il-Partit Nazzjonalista li kburi li pajjiżna hu parti mill-Unjoni Ewroepa, filwaqt li għall-Partit Laburista għandna niddefendu ruħna mill-UE. Ray Bugeja spjega li jekk jiġi elett, il-ħidma tiegħu se tiffoka fuq l-issues tal-ekonomija u s-sajd u jrid li jkun Ambaxxatur ta’ Malta fl-Ewropa u fl-istess ħin tal-Ewropa f’Malta.
Wara l-interventi, dawk preżenti kellhom l-opportunità jagħmlu mistoqsijiet lill-kandidati u saret diskussjoni bejn il-pubbliku u l-kandidati.
//= $special ?>