Lokali Qorti

L-10 voti mitlufa fuq it-13-il distrett setgħu għamlu d-differenza

L-10 voti mitlufa tal-kandidat Nazzjonalista Paul Buttigieg setgħu għamlu d-differenza fid-Distrett ta’ Għawdex. Minkejja li fuq eluf ta’ voti 10 jistgħu ma jfissru xejn jew negliġibbli, f’dan il-każ dawn l-10 voti setgħu għamlu d-differenza. Dan ikkonfermah il-Viċi President tal-Partit Laburista u Kap tal-Uffiċċju Elettorali Laburista Louis Gatt meta kompliet tinstema’ l-kawża li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel kontra l-Kummissjoni Elettorali minħabba nuqqasijiet li seta’ kien hemm fl-aħħar elezzjoni ġenerali fuq it-8 u t-13-il distrett.

Louis Gatt qal li Paul Buttigieg kiseb 678 vot u meta kien se jaqa’ biex isir il-wirt minn fuqu, nstabu 10 voti nieqsa, li marru fuq in-‘non trasferibbli’. Hu kkonferma wkoll li 50 vot ta’ Claudette Buttigieg spiċċaw mal-pakkett ta’ Michael Axiaq biex dawn spiċċaw mitlufa minn fuq isimha. Meta kien qed jixhed dwar il-proċess ta’ kull elezzjoni li ssir f’Malta, Louis Gatt qal li kull ħaġa li dawk maħtura mill-partiti jaraw bħala rregolari jinfurmaw lill-Kummissjoni Elettorali, iżda d-deċiżjoni aħħarija dejjem tkun tal-Kummissjoni Elettorali.

Ix-xhud qal li fuq it-8 distrett, meta fl-14-il għadd waqa’ Michael Axiaq tal-Partit Nazzjonalista, fost il-pakkett li kellu, kien hemm 50 polza ta’ vot li l-preferenza numru 1 kien fuq Claudette Buttigieg. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Elettorali dwar dan u l-Kummissjoni qalet li ma tistax tmur lura fuq Claudette Buttigieg wara li ħadet parir legali. Dwar il-voti tal-kandidat Nazzjonalista Paul Buttigieg, hu qal li fit-tmien għadd l-ewwel kellu 678, iżda wara sabu 668 fil-pakkett ta’ Paul Buttigieg.

Qal li l-PN talab recount iżda l-10 voti baqgħu ma nstabux. Is-soluzzjoni kienet li dawk l-10 voti li nstabu neqsin marru mal-voti mhux trasferibbli. Qal li bħas-soltu l-Kummissjoni ħadet ir-responsabbilità ta’ dan kollu. Ix-xhud spjega li kien il-kollega tiegħu fil-Partit Laburista li għandu rwol fl-elezzjonijiet Frederick Azzopardi, li kien nfurmah x’kien qed jiġri permezz ta’ telefonata għax hu ma kienx preżenti.

Waqt il-kontro-eżmi mill-avukat tal-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, Louis Gatt semma’ żewġ żbalji simili li kien saru fil-passat. Qal li żball kien seħħ fl-elezzjoni ġenerali ta’ qabel, meta fil-konfront ta’ Justyne Caruana kien hemm 100 vot anqas minn dawk li kienu ngħaddew oriġinarjament. Qal li każ ieħor li ltaqa’ miegħu kien meta kien hemm il-by-election ta’ John Dalli, li kien spiċċa mill-Parlament u kienu nstabu voti mhux dovuti lilu.

Il-Partit Nazzjonalista beda proċeduri permezz ta’ Rikors Kostituzzjonali kontra l-Kummissjoni Elettorali dwar l-eżitu tar-riżultat elettorali f’żewġ distretti, it-8 u t-13. Il-PN u ż-żewġ kandidati Claudette Buttigieg u Frederick Azzopardi qed jitolbu li l-Qorti ssib li l-aġir tal-Kummissjoni Elettorali jiġi dikjarat li jmur kontra d-dritt fundamentali ta’ elezzjoni ħielsa li tirrispetta l-voti mixħuta u konsegwentement jiġi ndirizzat l-preġudizzju li sofra l-PN u ż-żewġ kandidati billi jiġi korrett in-numru ta’ Deputati eletti fil-Parlament biex ikun jirrifletti rappreżentanza proporzjonali.

Għal PN qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia u Paul Borg Olivier, għall-Partit Laburista l-avukat Pawlu Lia u Prof Ian Refalo għall-Kummissjoni Elettorali. Il-kawża tkompli fid-9 ta’ April li ġej.